Il-Leġġenda ta’ Prince Charming – li saħħritna permezz ta’ diversi films u serje televiżi, issa ispirat il-famużi Lasallian Nights tal-kulleġġ De La Salle.
Dan hekk kif wara tliet snin ta’ pandemija.l-istudenti tas-sixth form ta’ De La Salle se jerġgħu jtellgħu l-kunċert annwali tagħhom, din is-sena bl-isem “Charmed”.
It-tema misterjuża, li tinbidel kull sena, tinvolvi storja dwar kif prinċep sab l-imħabba ta’ ħajtu.
Il-produzzjoni jkollha storja prinċipali li tibqa’ għaddejja tul is-serata, u jkollha wkoll xeni ta’ żfin, reċtar u kant fost it-talenti partikolari tal-istudenti.
Din il-ġimgħa kienet waħda impenjattiva għall-istudenti illi kellhom jagħmlu l-aħħar tħejjijiet sabiex is-serati jilħqu l-livell illi ntlaħaq fis-snin ta’ qabel il-pandemija.
Dawn l-istess preparamenti jibdew minn xhur qabel, bl-istudenti jinqasmu f’sotto-kumitati li jieħdu ħsieb sezzjonijiet partikolari tal-produzzjoni, fost oħrajn dawk li jieħdu ħsieb l-iżfin, il-mużika, u l-arti.
Fl-aħħar jiem tal-provi, żorna l-istudenti li ilhom mis-sajf jippreparaw għal dan it-tmiem il-ġimgħa.
Megan Abdilla li hija teżorier tal-kunsill tal-istudenti tkellmet magħna dwar il-proċess biex jitwieled dan l-ispettaklu.
“Din is-sena hemm madwar mitejn student. Ovvjament hemm ħafna eċċitament, ansjetà wkoll għax qisu ma tafx kif se jerġa’ jsir wara 3 snin għax inqatgħet ħafna informazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar l-istudenti ta’ kull sentejn qegħdin hawn bħala sixth form allura ċerta informazzjoni ma baqgħetx ittieħdet imma sibna postna u nafu fejn sejrin.”
Staqsejna lil John Paul Bayliss, li huwa wieħed mill-atturi prinċipali, dwar l-istorja tad-dramm.
“Storja dwar il-Prinċep Charming, li jħobb 3 prinċessijiet differenti, u jiġi rrakkontat mill-futur bħallikieku kien qed jirrakkonta storja lit-tfal. Mingħajr ma niżvela xejn jispiċċa bi prinċipessa waħda iżda dan ma nkunux nafu sal-aħħar.”
Il-produzzjoni ser tkun qed tittella’ fi tmiem il-ġimgħa dieħla, mill-Ġimgħa sal-Ħadd, b’numru kbir ta’ nies mistennija jimlew is-sala tal-kulleġġ.