Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Lydia Abela ngħataw merħba sabiħa mill-istudenti fil-Junior College.
Ġewwa l-Junior College, il-Prim Ministru kellu ċans jitkellem mal-istudenti, fejn spjegalhom il-viżjoni tal-Partit Laburista għaż-żgħażagħ.
Il-Prim Ministru spjega kif jekk jingħata l-fiduċja, Gvern immexxi minnu se jinvesti fiż-żgħażagħ u se jagħti elf u ħames mitt ewro lill-ġenituri ta’ dawk l-ulied li jkomplu jistudjaw, waqt li se jkun hemm żieda fl-istipendji ta’ ħmistax fil-mija.
Hawnhekk il-Prim Ministru nnota kif dawn iż-żgħażagħ se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba, hekk kif il-Gvern ta l-vot sittax.
Naturalment bosta studenti ħatfu l-opportunità fejn ħadu ritratt mal-Prim Ministru u martu.
Fil-Junior College, il-Prim Ministru mar fil-canteen, fejn poġġa flimkien mal-istudenti u tkellem magħhom dwar il-ħajja tagħhom bħala studenti f’dan il-kulleġġ u l-aspirazzjonijiet tagħhom għal futur.
Intant, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, Żgħażagħ Laburista kompliet bil-kampanja ‘Together We Are’.
Dan hekk kif armat stand barra l-kulleġġ fl-Imsida, fejn spjegat lill-istudenti dwar il-viżjoni tal-Partit Laburista għall-futur.
Bosta żgħażagħ laqgħu wkoll il-proposti tal-Partit Laburista, partikolarment dik ta’ spazji miftuħa u ħodor, b’investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin.
Il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja, qal kif iż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Laburista qed immexxu kampanja pożittiva li tolqot l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ. Qal, “Aħna għandna kampanja ta’ għaqda, kampanja li fiha qed tiġbor żgħażagħ li ġejjin minn aspetti differenti, kampanja li qed tiġbor iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Allura qed induru postijiet differenti, istituzzjonijiet edukattivi differenti, biex nilħqu kemm jista’ jkun żgħażagħ u nwasslu l-messaġġ tagħna, il-messaġġ flimkien. Together We Are tagħti messaġġ ta’ tama, ta’ ispirazzjoni li qed iħares lejn il-futur u llum ġejna hawnhekk, ħdejn il-Junior College biex niltaqgħu maż-żgħażagħ ta’ Junior College u nifhmu aħjar l-aspirazzjoniet. Fl-aħħar mill-aħħar se jagħżlu l-futur ta’ dan il-pajjiż.”