L-Erbgħa filgħodu, il-mument li eluf ta’ studenti minn madwar Malta u Għawdex jinsabu fit-triq għall-iskola għal sena skolastika ġdida. Wara kważi tliet xhur ta’ vaganzi tas-sajf, dawn l-istudenti issa jirritornaw lura fuq il-bankijiet tal-iskola sabiex jieħdu l-edukazzjoni tagħhom minn mijiet ta’ edukaturi dedikati kemm fl-iskejjel tal-Gvern, kif ukoll dawk tal-Knisja u privati.
Kien mat-tokki tat-tmienja tal-Erbgħa filgħodu, meta eluf ta’ studenti bdew jaslu l-iskejjel permezz tat-trasport b’xejn offrut mill-Gvern, filwaqt li oħrajn waslu mal-ġenituri jew in-nanniet tagħhom.
Anki ONE News sebaħ kmieni f’Ħal Qormi sabiex ikun preżenti għal dan il-mument ikkaratterizzat minn emozzjonijiet differenti.
Quddiem l-Iskola Primarja ta’ Ħal Qormi l-Pulizija tad-Distrett għalaq it-triq bil-ħadida, mumenti qabel ma bdew jaslu l-istudenti.
Il-bibien tal-iskola nfetħu u l-ġenituri u n-nanniet biesu u sellmu lill-uliedhom jew lin-neputijiet qabel ma dawn rifsu l-għatba tal-post fejn, għad-disa’ xhur li ġejjin, se jkunu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom.
Hawnhekk ħadna r-reazzjoni taċ-ċkejknin li lkoll dehru ferħana se jtiru.
F’Ħal Qormi tkellimna ukoll ma’ nanna ta’ żewġ studenti, li qaltilna li n-neputijiet kienu ħerqana biex jerġgħu jiltaqgħu ma’ sħabhom tal-klassi.
“Aħjar għax inġabru mal-ħbieb. Kienu ħerqana ħafna li ġejjin reġgħu, għax ma jafux ma’ liema tfal se jkunu; ikunu kuntenti għax is-sajf, wara kollox, irid jispiċċa u jerġgħu jinġabru għall-ħajja normali tagħhom.”
ONE News mar ukoll fl-Iskola Sekondarja f’Tal-Ħandaq, fejn qabel l-assemblea ta’ filgħodu, l-istudenti, li huma akbar fl-età, qalulna x’qed jistennew għal din is-sena.
Ħadna r-reazzjoni tal–Kap tal-Iskola sekondarja tal-Ħandaq, Alex Pizzuto, li tkellem dwar ix-xogħol kruċjali li sar sabiex l-istudenti jkomplu jieħdu l-aqwa edukazzjoni.
“Sar xogħol kbir f’dak li għandu x’jaqsam mal-għalliema, LSEs, u l-istaff tal-iskola biex naraw li għandna l-compliment kollu ta’ dawn l-edukaturi fis-suġġetti kollha. F’din l-iskola, għall-grazzja t’Alla, għandna l-compliment kollu.”
L-Assistent Kap tal-Iskola Primarja f’Ħal Qormi, Charles Bonnici, innota l-entużjażmu fost it-tfal tal-iskola u kkummenta fuq kif din is-sena skolastika bdiet b’mod normali u mingħajr l-ebda restrizzjoni b’rabta mal-imxija.
“Kulħadd jinsab entużjast biex jibda din is-sena. Anke t-tfal ikunu aktar relaxed, l-atmosfera tal-iskola tkun differenti minħabba li neħħejna r-restrizzjonijiet, u l-ewwel impressjoni kienet li kulħadd aktar ferħan din is-sena miż-żmien li għadda.”
Kif ġie nnutat, l-iskejjel din is-sena fetħu b’normalità sħiħa għall-kuntrarju tas-sentejn li għaddew, li matulhom għal xi xhur it-tagħlim sar b’mod virtwali jew bir-restrizzjonijiet minħabba l-imxija.