Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi ltaqa’ ma’ grupp ta’ studenti mis-sixth form ta’ St Martin’s College, li ressqu s-suġġerimenti tagħhom dwar is-sitwazzjoni tal-parkeġġ f’Malta.
Dawn l-istudenti ffurmaw kumpanija tal-Young Enterprise u jixtiequ jiżviluppaw skema fejn spazji quddiem garaxxijiet li jkunu vojta għal numru ta’ sigħat, bi qbil ma’ sid il-garaxx, ikunu jistgħu jiġu utilizzati minn terzi persuni wara li jirreġistraw fis-sistema.
Matul din il-laqgħa l-Ministru Joe Mizzi qal li l-Gvern jisma’ s-suġġerimenti kollha li jsirulu, u lest li jagħti l-appoġġ kollu possibbli, abbażi l-liġijiet eżistenti dwar l-infrastruttura u t-trasport u b’mod partikolari dwar din l-iskema, kull deċiżjoni li tittieħed għandha tissalvagwardja liż-żewġ partijiet, jiġifieri lil sid il-garaxx u anke lil min qed jipparkja.
Il-Perit Audrey Testaferrata Denoto, li akkumpanjat lill-Ministru qalet li Transport Malta se tibqa’ f’kuntatt mal-istudenti biex tesplora iżjed il-proposti tagħhom fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni eżistenti.