L-istudenti tal-Università jużaw il-mixi, ir-rota u t-trasport pubbliku iktar mill-popolazzjoni b’mod ġenerali.
Dan skont riċerka maħsuba biex tiddetermina kif l-istudenti jaslu fil-kampus tal-Università.
L-istudenti kellhom l-għażla ta’ iktar minn metodu ta’ trasport wieħed.
Ir-riċerka turi kif filwaqt li zero punt tlieta fil-mija biss tal-popolazzjoni jużaw ir-rota, erbgħa fil-mija tal-istudenti jużaw ir-rota bħala metodu tat-trasport tagħhom lejn l-Università.
Tlieta fil-mija tal-istudenti jużaw il-mutur meta mqabbla mal-wieħed punt wieħed fil-mija tal-maltin.
Persentaġġ ogħla wkoll tal-istudenti qed jużaw it-trasport pubbliku hekk kif tnejn u tletin fil-mija tal-istudenti qed jużawh meta mqabbla mal-ħdax punt tlieta fil-mija mill-istatistika nazzjonali. (GRAFIKA)
Dan mistenni jkompli jiżdied hekk kif il-gvern qed jagħti sena trasport b’xejn lil kull min jagħlaq it-tmintax-il sena.
Il-persentaġġ ta’ studenti li jużaw il-karozza jirrifletti għal kollox l-użu għoli ta’ karozzi f’pajjiżna kif in-numru huwa wieħed fil-mija biss iktar mill-ħamsa u sebgħin fil-mija tal-popolazzjoni.
Madankollu nsibu bosta iktar studenti li qed jagħżlu li jimxu, hekk kif tnejn u għoxrin fil-mija tal-istudenti jużaw dan il-mezz biex jaslu sal-università.
L-istudju hu bħala parti minn proġett internazzjonali magħruf bħala CAMP- sUmp.
Permezz tiegħu universitajiet minn madwar id-dinja jagħmlu riċerka fuq il-modi ta’ trasport l-iktar użati mill-istudenti universitarji u l-faċilitajiet infrastrutturali li hemm preżenti fl-Universitajiet madwar l-Ewropa.
Tkellimna mal-Professur Maria Attard, li hi d-direttur tal-istitut tat-tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli, li spjegat iktar x’inhu l-għan ewlieni tal-proġett.
“Huwa proġett li jinvolvi seba’ campuses fil-Mediterran u l-iskop huwa li niżviluppaw pjan t’azzjoni għall-universitajiet li huma…ovjament ‘Towns’, f’ħafna mill-postijiet fejn qed inħarsu huma “considerably large” jiġifieri huma kbar u għandhom il-problemi tagħhom.”
Attard saħħqet li issa l-pass li jmiss fil-proġett huwa li flimkien mal-imsieħba jiġu evalwati l-possibiltajiet kollha biex jiġu implimentati proġetti fuq it-trasport u l-infrastrutura tal-università.
“Naraw kif nistgħu nżiduha l-effiċjenza tal-Public Transport, naħdmu iktar viċin tal-operaturi pereżempju, cycling u walking li għadhom baxxi ħafna meta inti tara li ovjament għandna potenzjal kbir għax l-ikbar popolazzjoni tal-universitá, tgħix vera viċin tal-Universitá.”