Aktar minn 8,900 student irċevew ir-riżultati tal-eżamijiet tal-livell ordinarju kif ukoll dak avvanzat u intermedjarju b’studenti li qegħdin fis-seba’ sema jiċċelebraw is-suċċess li kisbu fl-eżamijiet u oħrajn li huma kemmxejn iddiżappuntati bil-marki li ġabu.
Fil-livell ordinarju aktar minn 71 fil-mija tal-istudenti għaddew mill-Ingliz billi ġabu marka minn grad 1 sa 5. Fil-Matematika għaddew 57% jew ftit aktar minn elfejn u tlett mitt student. Fil-Malti għaddew aktar minn elfejn u erba mitt student iżda weħlu aktar minn elf u mija. Fil-Fiżika għaddew kważi tnejn minn kull tliet studenti li qagħu għall-eżami.
Imqabbla mar-riżultati miksuba s-sena li għaddiet, kien hemm titjib fis-suġġetti tal-ingliż b’żieda ta’ 1.5% kif ukoll fil-matematika b’żieda ta’ 3% li xorta waħda baqa’ l-aktar suġġett li ħabbat l-istudenti. Fil-Malti kien hemm tnaqqis ta’ 2.4%
Imqabbel mal-aħħar ħames snin jirriżulta li l-istudenti ġabu marki ferm aħjar fil-grad 1 u 2.
Apparti r-riżultati fil-livell ordinarju, 3,805 studenti li qagħdu għall-eżamijiet tal-livell avvanzat u intermedjarju. 1,670 minnhom ġabu s-suġġetti meħtieġa sabiex jidħlu jistudjaw f’istituzzjoni post sekondarju.
One News tkellem ma’ Mario Bugeja fejn spjega dwar l-importanza l-istudenti li m’għaddewx jattendu għall-klassijiet ta’ reviżjoin bla ħlas.
Din is-sena, is-suġġetti vokazzjonali rreġistraw riżultati eċċellenti bi tmienja u sebgħin fil-mija jgħaddu mill-eżami.