Hekk kif il-Higher Soiree qiegħed joqrob, il-preparamenti għaddejjin bis-sħiħ fl-Iskola Post-Sekondarja Giovanni Curmi fin-Naxxar.
Crew ta’ ONE news żar lil-istudenti tal-iskola waqt il-provi għall-istess soiree bbażat fuq il-ktieb u l-film famużi, ‘Little Women’.
L-istorja tirrakkonta kif erba’ aħwa bniet bl-isem ta’ Meg, Joe, Beth u Amy jikbru, isibu l-imħabba u jsibu posthom fid-dinja. L-aħwa u ommhom jinsabu d-dar filwaqt li missierhom qed jiġġieled fil-gwerra.
Ir-rumanz semi-awtobijografiku mill-awtriċi Louisa May Alcott jittratta l-esperjenzi ta’ żgħażagħ li jibqgħu validi sal-lum il-ġurnata.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, il-lettur tat-teatru u l-mużika, Stefan Caruana, li qed jikkordina dan is-soiree, qal li t-tħejjijiet għal din il-play ilhom għaddejjin mis-sajf tas-sena l-oħra u l-istudenti jinsabu tassew ħerqana għall-ġurnata uffiċjali tar-rappreżentazzjoni.
“Eżatt kif spiċċat is-soiree tas-sena l-oħra mill-ewwel nerġgħu mmorru onboard, ngħaqdu team, biex nibdew nippreparaw għal dan is-soiree ta’ din is-sena. Allura nagħmlu sajf nara kif se nagħmlu l-addattamenti neċessarji biex ikollna play musical fejn ninkorporaw diversi talenti tal-istudenti li jiġu l-iskola tagħna u mbagħad minn Ottubru ’l hemm nibdew anke l-auditions biex nibdew insibu dawk it-talenti partikolari fejn ikunu jistgħu jgħinu, naraw daqsxejn anke l-istaff, min ikun jista’ jkun onboard ħalli nitfgħu lil kulħadd fuq l-istess pjattaforma u fl-aħħar mill-aħħar dejjem tkun ix-showcase tal-iskola, il-play annwali.”
ONE News tkellem ukoll ma’ Maxine Gilson, studenta tal-Higher li qed tieħu sehem, fejn stqarret li din il-play tfisser ħafna għaliha, tant li ddedikat ħafna mill-ħin tagħha fuqha.
“Jien għalija importanti ħafna. It-teatru qisu l-ħajja tiegħi, hawnhekk qisu s-second home tiegħi sar. Ili mill-bidu, niġġieled għaliha din is-soiree u dejjem nagħmel l-effort tiegħi. Bħalissa kważi qed ngħix hawnhekk, jiġifieri ngħid li hi ta’ valur kbir għalija.”