Minn nhar it-Tnejn li ġej it-tagħlim se jibda jingħata online hekk kif l-Gvern ħabbar li l-iskejjel se jingħalqu.
Din il-miżura ntlaqgħet tajjeb mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici stqarr: “It-tagħlim issa jkun jista’ jingħata fi struttura, li importanti li jkollna struttura li tkun ċara u importanti anke l-ġenituri jkunu jafu l-istruttura biex ovvjament ikun jistgħu ovvjament jassistu huma wkoll lill-uliedhom b’tali mod li aħna kemm jista’ jkun naraw li t-tagħlim ikun ta’ kwalità li jkun jista’ jitwassal bl-aħjar mod possibbli lit-tfal.”
Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal illi bħalissa għaddejjin diskussjonijiet favur it-tisħiħ tat-tagħlim virtwali.
Huwa sostna: “Fiduċjużi li dal-jumejn li għandna ta’ taħditiet mal-Ministeru għandu jwassluna biex ikollna mudell tajjeb li jkun aċċettabbli għal kulħadd u nkunu nistgħu nimxu u naħdmu bih.”
Malta hija l-unika stat membru tal-Unjoni Ewropea li fetħet l-iskejjel f’Settembru u żammiethom miftuħa s’issa għaliex iċ-ċirkostanzi kienu jippermettu dan.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caurana saħqet illi l-Gvern huwa kommess li jassigura li t-transizzjoni mill-bank tal-iskola għall-edukazzjoni online tkun waħda li żżomm lill-istudent fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed.
Il-Ministru Caruana stqarret: “Filwaqt li l-Ministeru għandu l-infrastruttura diġitali illi diġà qiegħda hemmhekk ovvjament irridu l-koperazzjoni sħiħa tal-għalliema u tal-ġenituri u ta’ dawk kollha li jieħdu ħsieb it-tfal. Fil-fatt ilbieraħ stess ukoll kellna diskussjoni importanti mal-MUT biex ikolna din it-transizzjoni għal dan ix-xahar li ġej illi kemm jista’ jkun timxi ħarir però mbagħad irridu nassiguraw illi jingħata tagħlim kwalitattiv, u mal-unjin kont ċara ħafna.”
Il-Ministru Caruana saħqet ukoll li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar l-istudenti li bħalissa jew fiż-żmien li ġej se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet, biex b’hekk jiġi assigurat is-serħan il-moħħ kemm għall-istudenti kif ukoll għall-ġenituri.