L-istudent Leon Farrugia, li fl-aħħar jiem irrapporta li kien insteraqlu l-baskett bil-laptop fejn kellu wkoll it-teżi li jrid jippreżenta dalwaqt, reġa’ appella fuq il-midja soċjali għal kull għajnuna.
Dan waqt li ġiet offruta somma flus lil min jgħinnu jikseb lura l-affarijiet personali, li wkoll ħabbar li din issa telgħet għal €1,000, grazzi għat-tenur Malti Joseph Calleja u oħrajn, li riedu jibqgħu anonimi.
Filwaqt li kompla jsostni biex min kien responsabbli jirritornalu dan il-laptop, Farrugia rringrazzja lil ħafna persuni li tawh l-appoġġ.
L-affarijiet personali tiegħu jistgħu jiġu rritornati, anke b’mod anonimu, permezz ta’ qassis li offra l-għajnuna tiegħu fuq in-numru tal-mowbajl 79486680 jew jintbagħat fl-indirizz Appartament 1, Mosta Ground, Triq il-Manwella, Mosta MST4085.
Sadanittant Farrugia qal li, bil-fiduċja u l-motivazzjoni tan-nies, qed jippjana biex, minn nhar it-Tnejn li ġej, jerġa’ jibda jaħdem lejl u nhar biex, fil-ftit jiem li fadal, jispiċċa t-teżi bil-għan li jirnexxielu jiggradwa.