Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li l-istrateġiji tal-UE għal finanzjamenti sostenibbli tal-qasam tal-manifattura għandhom jimmiraw speċifikament lill-industriji żgħar u medji (SMEs). Fi Brussell Dr Sant kien qed jindirizza l-Konferenza ‘Kif finanzjamenti sostenibbli jistgħu jkabbru s-settur tal-manifattura fl-Ewropa’. Huwa qal li l-SMEs għandhom jitqiesu minn issa, bħala parteċipanti ewlenin fi kwalunkwe skema li tħajjar u tmexxi finanzjamenti sostenibbli fl-Ewropa.
Dr Sant saħaq dwar sistema gradwali ta’ ‘inċentivi’ u ‘penali’ għal ħolqien ta’ qafas tajjeb għal finanzjament.
“Sistema li tagħti xokk ma tagħmilx sens. Li tlibbes l-istess żarbun għal kulħadd ukoll għandu jkun evitat għax dak li jaħdem għal kumpaniji kbar mhux neċessarjament jaħdem għal SMEs. Dan il-punt għalija mhux ċar fir-‘road map’ li qed tħaddan il-Kummissjoni Ewropea.”
Ħafna SMEs jiffinanzjaw il-pjanijiet tagħhom ta’ tkabbir u investiment permezz ta’ self mill-banek, likwidita` u kreditu mill-fornituri. L-Esperjenza tal-Fond Ewropew Għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) turina li pjattaformi ta’ investimenti Ewropej jistgħu jakkomodaw strutturi tal-SMEs fil-qasam tal-manifattura biex iħajru proġetti ta’ investimenti ġodda.
Dr Sant tkellem favur inċentivi magħmula apposta għall-SMEs, permezz ta’ pjattaformi ekoloġiċi speċifiċi li jipprovdu appoġġ b’finanzjament megħjun minn bonds ekoloġiċi jew strumenti simili.
Dr Sant qal li n-negozji għandhom jibdew jikkunsidraw id-dannu fuq l-ambjent futur bħala tħassib operazzjonali ta’ issa. Biex dan iseħħ, dan id-dannu jrid jinqeleb fi spiża kurrenti li l-industriji jridu jinternalizzaw. Għalhekk miżuri politiċi pubbliċi jridu jkunu applikati fuq livell nazzjonali jew Ewropew. Qed tkun imwittija t-triq biex issir azzjoni korrettiva organizzata u iffokata, li ssir ftit ftit.
“Jaf ninsab żbaljat iżda l-impressjoni li qed nieħu hija li l-emfasi qed tingħata wisq lid-ditti l-kbar. Proporzjon enormi tal-manifattura fl-Ewropa ssir mill-intrapriżi żgħar u medji. Jista’ jkun li l-istrateġija li fuqha qed nimxu hija bbażata fuq il-premura li l-miżuri mmirati lejn is-sostenibilita` tal-industriji l-kbar fl-aħħar se jwasslu sal-SMEs għax ħafna SMEs jaħdmu billi jissupplixxu lil konglomerati l-kbar? Fil-fehma tiegħi, jekk nimxu f’din it-triq inkunu qed niżbaljaw.” qal Alfred Sant.
Id-dibattitu kien organizzat mill-Forum Ewropew għal Manifattura wara li ġie ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament sostenibbli. Il-finanzjament sostenibbli jimxi pari passu ma’ viżjoni etika dwar l-investimenti finanzjarji. L-għan huwa li jitqarrbu lejn xulxin il-prestazzjoni ekonomika flimkien ma’ impatt pożittiv soċjali u ambjentali, billi jkunu ffinanzjati kumpaniji li jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp sostenibbli.