Fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, kien diskuss ix-xogħol li qed isir biex tiġi implimentata l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni 2024-2030.
Kien diskuss ukoll l-istudju dwar in-National Living Income mmexxi mill-General Workers’ Union bi sħab mal-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Moviment Graffitti u l-investiment fl-edukazzjoni li jista’ jtejjeb is-soċjetà tagħna u b’hekk il-prosperità ekonomika tkun assigurata.
Filwaqt li tenna l-importanza ta’ djalogu soċjali ħaj bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali biex ikomplu jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin li jgawdi minnhom kulħadd, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern biex aktar industriji ġodda jkunu attirati lejn pajjiżna u b’hekk jinħoloq aktar xogħol.
Waqt preżentazzjoni mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima kien spjegat il-qofol tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni sal-2030 biex tkun il-pedament għall-aktar ħidma b’risq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin u biex il-qasam edukattiv jkollu dejjem lill-istudent fiċ-ċentru.