L-istrateġija l-ġdida, li ġiet imnedija l-ġimgħa li għaddiet kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, taħseb għal miżuri mmirati biex jilħqu komunitajiet differenti f’Malta u Għawdex, li jkunu qed jesperjenzaw vjolenza domestika.
F’konferenza dwar il-miżuri tal-istess strateġija, il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, Samantha Pace Gasan, fissret il-miżuri u l-proposti tal-istrateġija biex ikunu jistgħu jingħataw is-servizzi lil persuni barranin li jkunu għaddejjin minn episodji ta’ vjolenza domestika.
“Illum stedinna lill-ambaxxaturi biex flimkien naqsmu l-informazzjoni tas-servizzi li nagħtu f’pajjiżna, imma wkoll nitgħallmu minn xulxin u nkomplu nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ komunitajiet differenti anke f’Malta.”
Dr Lydia Abela sostniet fuq l-importanza tal-edukazzjoni u kampanji ta’ għarfien bħas-16-il jum ta’ attiviżmu biex tkompli tqum kuxjenza dwar din l-isfida.
Mart il-Prim Ministru nnotat il-passi fid-direzzjoni t-tajba li Malta qed tagħmel biex tkun pajjiż mudell li japplika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul u qalet li l-pajjiżi differenti jista’ jkollhom skambju ta’ informazzjoni biex nibqgħu nilqgħu għall-vjolenza domestika, realtà kerha madwar id-dinja kollha.
“Qatt mhu biżżejjed tagħmel kemm tagħmel f’dan is-settur. Dejjem irridu nkunu lesti biex niddiskutu, nimplimentaw għar-realtajiet tas-soċjetà li dejjem qiegħda tinbidel. Kien għalhekk li llum ingħaqadna hawnhekk biex inkomplu nagħmlu koperazzjoni internazzjonali u niddiskutu ma’ diversi NGOs u anke rappreżentanti biex naraw kif nistgħu nkomplu nindirizzaw din il-pjaga soċjali.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, spjegat li l-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika hi fenomenu li jaffettwa kull soċjetà. Żiedet tgħid li hu importanti li s-servizzi jkunu jistgħu jintlaħqu mill-komunitajiet kollha.
“Hekk kif is-soċjetà tagħna hi aktar multi kulturali allura importanti li anke s-servizzi li noffru bħala Gvern ikunu mmirati biex jgħinu lill-vittmi li ġejjin minn kull tip ta’ background differenti.”
Sadanittant preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli li saħqet dwar l-impenn b’saħħtu anke fuq livell Ewropew biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Fil-konferenza ħadu sehem ukoll rappreżentanti ta’ diversi entitajiet u aġenziji li b’mod jew b’ieħor jagħtu servizzi lill-vittmi f’dan il-qasam.