F’laqgħat bilaterali ma’ żewġ Kummissarji Ewropej, l-ewroparlamentari Maltija Miriam Dalli ddiskutiet kwistjonijiet soċjali fosthom l-ambjent u l-kanċer.
Fi Strasburgu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista stqarret li permezz tas-sostenibbiltà ser inkomplu nsostnu t-tkabbir ekonomiku iżda biex dan iseħħ hemm bżonn isir investiment.
Flimkien mal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans, Dalli saħqet li n-negozjar fuq il-Green Deal Ewropew għandu jirrispetta bosta aspetti soċjali u r-realtajiet tal-pajjiżi kollha. Hija sostniet: “Biex nagħmlu tranżizzjoni għal ekonomija aktar nadifa, ser ikollna bżonn impjiegi ġodda, ser ikollna bżonn ħiliet ġodda u jien irrid naċċerta ruħi l-ħaddiema kollha madwar l-Ewropa b’mod partikolari f’pajjiż bħal Malta jkunu protetti u jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex anki huma jkollhom impjiegi ta’ kwalità, pagi aħjar, kundizzjonijiet aħjar f’ekonomija ġdida u moderna.”
F’laqgħa separata mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides Dalli ddiskutiet l-istrateġija ambizzjuża dwar il-marda qerrieda tal-kanċer. Dr Dalli qalet: “Il-fatt li inti jkollok pajjiż fejn ċertu mediċina mhix aċċessibbli għaliex l-importaturi ma jkollhomx biżżejjed pazjenti li jieħdu dik il-mediċina. Dik hija prijorità tiegħi għas-snin li ġejjin u hija prijorità wkoll għall-Kummissarju Ewropew dwar is-Saħħa.”
Dr Dalli saħqet li jeżistu ċirkostanzi fejn pazjenti m’għandhomx aċċess għall-mediċini u saħqet li din hija realtà li għandha tiġi indirizzata b’mod urġenti.