“L-istrateġija hija li nattakkaw bil-vaċċin u niddefendu bil-miżuri preventivi.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt li kien intervistat mill-ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, il-Ħadd filgħodu, mumenti wara li tħabbru miżuri ġodda għall-perjodu tal-Għid.
Il-Prim Ministru qal li minkejja li naqsu n-numri tal-infezzjonijiet fl-aħħar jiem, jeħtieġ sforz ieħor ta’ solidarjetà u responsabbiltà.
Huwa stqarr: “Jien nixtieq naslu għal sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm il-ħtieġa li nagħtu multi għaliex din hija kwistjoni ta’ responsabbiltà u kwistjoni fejn nipproteġu lil xulxin. Tajjeb li ngħid li f’Marzu, sal-lum, l-awtoritajiet ta’ infurzar f’pajjiżna taw ’il fuq minn 4,000 multa, jiġifieri l-infurzar qed jaħdem.”
Il-Prim Ministru qal li miżuri bħall-għajnuna fil-ħlas tal-pagi, laqtu ħażin il-finanzi tal-Gvern madanakollu huwa fiduċjuż li l-irkupru ekonomiku ta’ dan il-pajjiż ħa jkun wieħed aċċellerat.
Fil-fatt, Dr Abela spjega kif il-Gvern baqa’ jagħti l-għajnuna lin-negozji għall-kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra.
Dr Abela sostna: “Insemmi li bl-istrateġija li għamilna aħna fis-sena 2020, pajjiżna rreġistra żieda ta’ 2,800 impjieg full-time jiġifieri żieda ta’ 1.2% fuq is-sena ta’ qabel meta ma kellniex pandemija. Fl-Ewropa kien hemm tnaqqis ta’ 1.4%, tnaqqis mhux żieda, li jfisser li fl-Ewropa intilfu 2.2 miljun impjieg full-time.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-laqgħa virtwali li kellu fil-Kunsill Ewropew din il-ġimgħa fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni tal-COVID-19 u x-xiri konġunt tal-vaċċin.
Spjega kif il-Gvern Malti opera b’mod leġittimu abbażi ta’ qafas li ħolqot l-Unjoni Ewropea stess.
Huwa tenna: Tgħidli issa mhux se jifdallek eċċess fl-aħħar? Veru imma konna nafu x’se jiġri. Kellna l-foresight li nantiċipaw dak li kien se jiġri u kif fil-fatt ġara. Għalhekk xtrajna mingħand ħafna f’ammonti kbar għaliex dak kien ifisser li fl-allokazzjoni inizjali, l-iktar waħda kruċjali jiġifieri għal Diċembru, Jannar, Frar ’il quddiem, kellna dożi iżjed.
Il-Prim Ministru saħaq li l-pandemija ma waqqfitx lill-Gvern milli jkompli b’ħidmietu.
Semma fost l-oħrajn ir-riforma fil-liġi tal-prostituzzjoni, u fakkar li l-għan ewlieni hu li jiġu mgħejjuna persuni li jkunu kibru f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Dwar ir-riforma għall-użu responsabbli tal-kannabis, Dr Abela spjega li l-Gvern qed ikun sensittiv għar-realtajiet tal-lum.
Dr Abela saħaq: “Irridu nkunu sensittivi filwaqt li nkunu responsabbli wkoll. Żgur fil-White Paper li se titnieda fil-jiem li ġejjin, mhux se ninċentivaw kultura ta’ użu ta’ kannabis. Żgur, mhux il-każ.”
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern biex jibqa’ jiġġieled din l-isfida.
Semma t-tliet prinċipji tal-ħidma tal-Gvern; li jwaqqaf il-wasliet, jaħdem fuq ir-rilokazzjoni u jindirizza l-problema mis-sors tagħha, u sostna li dan il-pajjiż ma jiflaħx aktar pressjoni.
Il-Prim Ministru saħaq: “Pajjżna ma jiflaħx iżjed piż u l-prijorità tiegħi huwa l-poplu Malti u Għawdxi.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/28/il-moneyval-jaghraf-ir-riformi-kbar-li-wettaq-il-gvern/