Stħarriġ li sar poġġa lill-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta għall-Intelliġenza Artifiċjali mal-aqwa 10 pajjiżi.
L-istrateġija ta’ Malta li tħabbret m’ilux tinsab fl-10 post minn 54 pajjiż, qabel l-Estonja, l-Isvezja u l-Awstrija, fost l-oħrajn.
Kien hemm seba’ indikaturi importanti li ġew mgħarbla sew fosthom l-infrastruttura, l-ambjent operattiv, ir-riċerka u l-istrateġija Governattiva, b’din tal-aħħar tiġi fl-10 post.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali spjega dwar l-irwol li ngħatat sabiex tieħu ħsieb l-implimentazzjoni tal-istess strateġija.
McCarthy spjega: “Pajjiżi bħal Amerika, iċ-Ċina, l-Awstrija, Sweden fejn aħna pereżempju ġejna qabel l-Awstrija u anke Sweden. Dan huwa riżultat ta’ xogħol kbir li għamel Segretarju Parlamentari Silvio Schembri fejn din is-sena illaunchja din l-istrateġija u qegħdin naraw ir-riżultat tiegħu.”
Fi stqarrija anki s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni Silvio Schembri laqa’ b’mod pożittiv dan iċ-ċertifikat pożittiv fuq l-istrateġija governattiva li diġà qed tilħaq il-miri stabbiliti.
Saħaq li l-istrateġija u l-viżjoni għall-intelliġenza Artifiċjali f’Malta għandhom l-għan li jassiguraw li l-benefiċċji li ġġib magħha din il-forma ġdida ta’ innovazzjoni jinħassu fis-soċjetà Maltija kollha.
Dwar dan kompla is-Sur McCarthy li saħaq kif Malta trid tkun post minn fejn kumpaniji u intraprendituri lokali u barranin jistgħu jiżvillupaw bit-teknoloġija innovattiva tal-intelliġenza artifiċjali. Huwa sostna: ‘’Allura qed nagħmlu ambjent biex dan ikun komdu għalihom biex jiġu hawn Malta u jittestjaw dawn il-prodotti tagħhom u mbagħad meta jaraw is-suċċess tagħhom hawn Malta billi aħna pajjiż żgħir u iktar tista tikkontrolla dat-tip ta’ prodotti meta jiġu Malta dawn jillaunchjawhom barra minn Malta.”
McCarthy tenna li l-intelliġenza artifiċjali qed tintuża f’diversi setturi fl-ekonomija Maltija u l-ħsieb huwa li Malta jkollha programm effettiv f’dan is-settur tant innovattiv.
Hu temm jgħid: “Biex tkabbar il-produzzjoni biex timproveja l-ekonomija u l-istandards of living tan-nies trid tinvesti f’din it-tip ta’ teknoloġija li inti bil-mod il-mod qed tieħu u kullħadd qed idaħħalha fis-setturi kollha fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija.”