“Opportunitá li tista’ tindirizza sew l-ambjent u anke’ industriji filwaqt li toħloq impjiegi ġodda”. Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan b’reazzjoni ghall-istrateġija dwar l-iskart tal-plastik, ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-istrateġija Ewropea dwar l-iskart mill-plastik hija pass importanti. Biżejjed wieħed iħares madwaru biex jara kif l-iskart mill-plastik jidher kullimkien, sew fuq l-art u b’mod partikolari fl-ibħra taghna. Imma fl-istess ħin irid ikun ikkunsidrat il-fatt li l-produzzjoni globali tal-plastik tilħaq it-300 miljun tunnellata fis-sena u l-industrija tal-plastik timpjega 1.5 miljun persuna madwar l-Unjoni Ewropea.
“Il-kuxjenza fost iċ-ċittaddini tagħna qegħda tiżdied u hemm bżonn li naġixxu issa biex innaqqsu l-iskart tal-plastik, kemm minn fuq l-art kif ukoll mill-ibħra,” sostniet Miriam Dalli li hija koordinatriċi tal-grupp Soċjalista u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew fuq it-temi tal-ambjent. Spjegat li l-baħar Mediterran, bħall-oċeani oħra, huwa mimli bi skart tal-plastik u dan joħloq problemi ambjentali u anke’ problemi ta’ sahha.
Huwa stmat li aktar minn 100,000 tunnellata taʾ micro-plastik jinsabu fl-oċeani, b´riskju li jispicca fil-hut li nieklu. Huwa stmat li plastik mhux riċiklat idum mijiet ta’ snin biex jispicca.
Waqt is-summit Our Ocean, li ttellaʾ f´Malta f´Ottubru li għadda, stakeholders minn 112-il pajjiż ikkommettew aktar minn €7 biljun biex jiġu protetti l-oċeani.
Fuq livell Ewropew, 74% taċ-ċittadini huma mħassba bl-impatt tal-plastik fuq saħħithom filwaqt li 87% huma mħassba dwar l-impatt fuq l-ambjent. Bil-proposta Ewropea dwar l-uzu tal-plastik huwa ttamat li fi zmien 12-il sena, sal-2030 il-plastik ikun materjal li jista’ jigi riciklat jew jerga’ jintuza.
“Irridu nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-plastik bħala prodott. Biex nagħmlu dan irridu ninvestu aktar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Jekk mhux se ninvestu fl-innovazzjoni mhux se jkollna plastik li jista’ jintuża aktar minn darba u li jista’ jkun riċiklabbli u riċiklat,” qalet Miriam Dalli.
L-MEP Maltija qalet li din l-istrategija hija riżultat ta’ ħidma li saret biex tkun indirizzata l-produzzjoni tal-plastik u l-iskart mill-plastik.
“Irridu nieħdu l-inizjattiva biex ma nibqgħux dipendenti fuq il-plastik kif aħna llum. Irridu nieħdu l-inizjattiva biex inżidu kuxjenza akbar fost il-konsumaturi, biex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u ma niġġeneraw aktar skart tal-plastik b’detriment għall-ambjent u saħħitna,” ikkonkludiet Dalli.