Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-istqarrija li ta Ishmael Habesh, mixli bil-qtil ta’ Simon Grech ma tintużax fix-xhieda tal-ġuri u lanqas il-ġurati ma jkollhom konjizzjoni tagħha.
Dan għaliex meta ta l-istqarrija lill-pulizija, Habesh ma kellux avukat tal-għażla tiegħu.
Ismael Habesh mil-Libja u Faical Mahouachi mit-Tuneżija huma mixlija li qatlu lil Simon Grech fil-Marsa f’April tal-2005.
L-omiċidju seħħ meta l-vittma allegatament kien qed jitlajja’ għal skopijiet ta’ prostituzzjoni u ntqal li kellmuh iż-żewġ akkużati.
Fit-trattazzjonijiet li jsiru qabel jinstema’ l-ġuri l-Qorti Kriminali laqgħet it-talba tad-difiża biex l-istqarrijiet tax-xhieda kollha tal-Prosekuzzjoni ma jinstemgħux fil-ġuri minħabba li ma kienx hemm avukat tal-għażla ta’ Habesh preżenti.
Madankollu l-Avukat Ġenerali appella u l-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti, reġgħet ma laqgħetx it-talba tal-Avukat Ġenerali.
Għal Habesh dehru l-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila.