Il-ktieb ‘Il-Monument tal-Ħelsien. Mintoff u l-abbozzi tad-disinji ta’ Agius’ miktub minn Lino Bianco jħares fil-fond lejn il-qafas tal-ħsieb dwar il-mod kif sar u nħadem il-monument tal-Ħelsien fil-Birgu.
F’din il-pubblikazzjoni saret analiżi sħiħa tal-abbozzi li kien ħoloq l-iskultur Anton Agius. Jiddiskrivi wkoll dak li għadda minnu Agius, bl-indħil kontinwu mill-Perit Mintoff, li saħansitra Agius kien irrakkonta li kien wasal fi stat li jgħid lil Mintoff biex ix-xogħol fuq dan il-monument isir minn xi skultur ieħor.
Anton Agius kien qal li Mintoff ried monument li kien juri t-tbatijiet ta’ missirijietna biex kisbu l-ħelsien.
Dwar l-abbozzi li s’issa kienu qatt ma ħarġu fid-deher, l-awtur spjegalna l-ħsieb wara din il-pubblikazzjoni.
Qal, “Il-ktieb huwa bbażatt l-aktar fuq l-abbozzi li kien għamel Anton Agius fuq il-Monument tal-Ħelsien. Dawn l-abbozzi qatt ma ġew ippublikati u jittratta ir-relazzjoni bejn Agius u Mintoff u joħroġ biċ-ċar il-ħsieb ta’ Agius u d-disinn ta’ Agius kif kien qed jaħseb u Mintoff f’livell ieħor kif kien qed jaħseb. Toħroġ biċ-ċar.”
Ma’ Bianco tkellimna dwar id-differenza fil-ħsieb dwar il-monument tal-Ħelsien li kellu l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff u l-iskultur tiegħu Anton Agius.
Qal, “Anton Agius emmen fl-issue tal-ħelsien, imma Mintof kellu viżjoni li tmur lura ferm aktar. Mintoff anki f’dak li huwa d-disinn tal-għolja, Aguis ried jagħmel it-turġien komdi, Mintoff le, ried jagħmilhom diffiċli. L-għolja tal- Ħelsien hija l-golgotta, il-mixja għall-fidwa. Il-mixja li missirijietna batew imma fl-aħħar wasalna għalih.”