Il-Kandidat Għawdxi Thomas Bajada tellaq il-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew waqt attività f’Marsalforn, Għawdex.
Thomas Bajada, b’wirja ta’ passjoni u determinazzjoni, staqsa mistoqsijiet fundamentali dwar l-identità u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti, speċjalment dawk taż-żgħażagħ, li huwa l-futur ta’ pajjiżna.
Huwa għamel dan sabiex, f’dinja mgħaġġla, iqanqal il-ħsieb dwar x’wieħed jixtieq minn ħajtu, bil-għan li wieħed jirrifletti dwar il-bżonn li l-poplu jħares lejn il-futur b’mod aktar personali u mqanqal.
Matul id-diskors tiegħu, Bajada enfasizza t-tliet pilastri ewlenin tal-viżjoni tiegħu: l-identità, il-ħarsien tal-karatteristiċi tal-gżira Għawdxija, u l-importanza taż-żgħażagħ għall-futur ta’ pajjiżna. Fost l-oħrajn, huwa tenna l-bżonn li nipproteġu u nħaddnu l-lingwa, id-delizzji u l-wirt kulturali Malti.
Bis-sejħa “L-ISTORJA TIEGĦEK, TIEGĦI”, il-kandidat żagħżugħ qed juri l-impenn tiegħu li jisma’ l-istejjer tal-individwi b’lenti soċjalista u jintegra l-esperjenzi tagħhom fil-ħidma politika tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela, li kien preżenti għall-avveniment, faħħar il-kontribut ta’ Bajada, fejn stqarr li huwa kburi bil-kandidatura tiegħu. Il-Prim Ministru tenna li l-kandidatura ta’ Bajada se tkun essenzjali għall-futur ta’ Għawdex fl-Unjoni Ewropea.
L-avveniment inkluda wkoll diskorsi mill-Ministri u Membri Parlamentari Għawdxin tal-Partit Laburista, li kollha esprimew l-appoġġ tagħhom għall-kandidatura taż-żagħżugħ Għawdxi. Huma esprimew konvinzjoni soda favur Bajada bħala l-kandidat ideali sabiex jirrappreżenta r-realtajiet Għawdxin, kif ukoll dawk Maltin, b’mod partikolari l-bdiewa u s-sajjieda – li lilhom diġà kien jiddefendi fi Brussell stess f’dawn l-aħħar ħames snin.
Dan l-avveniment provda pedament sod għal kampanja mimlija enerġija u ħeġġa, hekk kif Thomas Bajada jaspira li jressaq ‘il quddiem il-ħolm u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.