Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qed tagħmel żjara statali fil-Portugall, akkumpanjata mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, flimkien ma’ delegazzjoni kbira ta’ imprendituri mill-gżejjer Maltin.
Iż-żjara qed issir fl-għeluq il-50 sena anniversarju mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-impenji uffiċjali tal-President Coleiro Preca kienu jinkludu laqgħat mal-President Marcelo Rebelo de Souza, mal-Ispeaker tal-Assemblea tar-Repubblika Eduardo Ferro Rodrigues, u mal-Prim Ministru tal-Portugal Antonio Costa.
President Coleiro Preca ssuġġeriet li titwaqqaf kummissjoni konġunta biex iż-żewġ pajjiżi jikkoperaw fuq il-livelli kollha bħala proċess kontinwu.
Il-President iddiskutiet ukoll mal-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali t-twaqqif ta’ parliametary friendship group.
Il-ftuħ mill-ġdid ta’ Ambaxxata Portugiża f’Malta u s-sitwazzjoni politika fl-Unjoni Ewropea ġew diskussi bejn il-President ta’ Malta u l-Prim Ministru tal-Portugall.