‘Teatru Mużikali: L-Istorja tal-Musicals f’Malta’ hu programm ġdid li se jittratta u jiddiskuti x-xena tat-teatru mużikali f’pajjiżna u kif din żviluppat matul is-snin.
B’sensiela ta’ intervisti, dan id-dokumentarju jesplora kif it-teatru mużikali sab il-bidu tiegħu f’Malta fi żmien fejn l-influwenza Ingliża u dik Taljana kienu ferm b’saħħithom.
Paul Abela, Dominic Galea, Kris Spiteri, The New Victorians u Luke Saydon huma ħamsa mill-aktar kompożituri prominenti f’Malta li ġew intervistati għal dan id-dokumentarju. Minbarra hekk, numru ta’ artisti, produtturi u ħaddiema minn oqsma differenti tas-settur jingħaqdu flimkien għal diskussjoni dwar ix-xena kif jafuha u esperjenzawha huma.
Il-programm jinvestiga kif dan it-tip ta’ divertiment ħa spinta fit-tmeninijiet, permezz tal-musical popolari ‘Ġensna’, b’mużika ta’ Mro Paul Abela u kliem tal-mibki Raymond Mahoney. Din ir-rock opera fetħet il-bibien għal musicals oħrajn fejn, fiż-żmien tal-‘Iljieli Mediterranji’, il-festival kien jispiċċa b’musical oriġinali bil-Malti.
Xogħlijiet rinomati ta’ Mro Dominic Galea, bħal ‘Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka’, ‘Spiru Ċefai’ u ‘Manwel Manwel: Il-Bandiera tal-Maltin’ kif ukoll ‘Bastilja’, ‘Ali Baba’ u ‘Taħt Tliet Saltniet’ ta’ Mro Paul Abela kienu wħud mill-musicals li nkitbu f’dan il-perjodu.
Id-dokumentarju televiżiv ta’ ONE jeżamina wkoll x’ġara meta spiċċa l-festival tal-Iljieli Mediterranji, perjodu fejn il-musicals bil-Malti tilfu l-popolarità tagħhom u l-musicals ta’ fama internazzjonali ddominaw ix-xena lokali.
Imma mbagħad, fl-2017, il-musicals bil-Malti bdew jittellgħu mill-ġdid fuq skala nazzjonali. Fost dawn insibu ‘Il-Qfil u l-Ħelsien Skond Manwel Dimech’, ‘Balzunetta Towers’, ‘It-Teatru tal-Miskin’ u ‘VII (sette)’.
‘Teatru Mużikali’, li qed jittella’ bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, jixxandar fuq ONE kull nhar ta’ Tnejn fit-8:35 ta’ filgħaxija.