Waqt il-Quddiesa Pontifikali li tfakkar il-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar il-mument li San Pawl wasal Malta wara li l-bastiment li kien fuqu nkalja.
L-Arċisqof irrakkonta l-mument li San Pawl wasal fi xtutna wara li l-bastiment li kien fuqu nkalja.
Spjega kif l-istess Pawlu ħelisha mill-għarqa, farfar lifgħa li għodha qatlitu u ma ġralu l-ebda deni.
Intqal kif tul il-perjodu li għamel f’pajjiżna, San Pawl fejjaq diversi morda fil-gżira bil-qawwa ta’ Ġesù.
L-Arċisqof Scicluna spjega kif anki Pawlu nnifsu kellu xi jfakkru li hu dgħajjef minkejja l-esperjenzi mistiċi li għadda minnhom waqt li kien fostna.
Kienet dik hekk imsejħa bħala l-messaġġiera tax-xitan li kienet isservi ta’ toqol għal San Pawl iżda meta Pawlu talab lil Mulej sabiex jeħilsu minn dan is-saram, il-Mulej kien qallu li l-grazzja tiegħu hija biżżejjed.
Għaldaqstant kien jiftaħar bid-debbolizzi tiegħu għaliex fid-dgħjufija kien hemm il-qawwa. “Kienet esperjenza ta’ qawwa fid-dgħjufija”, saħaq l-Arċisqof li nnota kif il-ġrajja tan-nawfraġju timmarka l-magħmudija tal-poplu Malti u Għawdxi.
B’referenza għall-pandemija l-Arċisqof saħaq li l-Mulej ifejjaq permezz ta’ ħutna l-bnedmin, permezz tax-xjenza u permezz tal-mezzi li kapaċi noħolqu.
L-Isqof Scicluna saħaq: “Il-Mulej se jfejjaqna permezz tax-Xjenza, se jfejjaqna permezz tal-għożża ta’ bejnietna għax il-fejqan tal-Mulej mhux maġija. Bħalma hu jitma lil min hu bil-ġuħ permezz tiegħek u l-ġenerożità tiegħek u hekk ukoll jisqi lil min hu bil-għatx, illum ifejqek permezz ta’ ħutek u bil-mezzi kollha li tagħmel inti.”
Hu tenna l-appell tal-President ta’ Malta, George Vella sabiex ningħaqdu u naħdmu flimkien għaliex mhuwiex iż-żmien li nintilfu fl-irqaqat iżda huwa ż-żmien biex niġbdu ħabel wieħed.
Hu stqarr li sena ilu, waqt li konna qed niċċelebraw din l-istess festa, ħadd minna ma kien jgħaddilu minn moħħu minn xiex kellna ngħaddu u għaldaqstant talab biex flimkien neħilsu mill-mard.
B’dan il-messaġġ, l-Arċisqof temm il-paniġierku tiegħu b’ċapċipa li dwiet madwar il-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt.
Preżenti għal din il-quddiesa pontifikali kien hemm il-President ta’ Malta George Vella u martu s-Sinjura Miriam Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u s-Sinjura tiegħu flimkien ma’ diversi persuni distinti oħra.