L-attentat ta’ qtil fuq l-eks President Amerikan Donald Trump waqt li kien qed jikkampanja, m’huwiex l-uniku attentat tax-xorta tiegħu fuq Presidenti Amerikani.
Għalkemm l-aħħar attentat imur lura tlieta u erbgħin sena, għall-1981, qabel dawn l-attentati kienu aktar frekwenti.
Fil-fatt, qabel l-attentat ta’ Trump kien hemm attentat fuq Repubblikan ieħor, l-erbgħin President tal-Istati Uniti, Ronald Reagan li, nhar it-tletin ta’ Marzu, kien fil-mira ta’ tiri sparati minn revolver waqt li kien ħiereġ mil-lukanda Hilton f’Washington.
Raegan intlaqat minn balla li l-ewwel ħabtet mal-karozza Presidenzjali bil-frak tagħha jolqot lill-President taħt idu x-xellugija. F’dan l-inċident kienu ndarbu wkoll tliet persuni, s-segretarju tal-komunikazzjoni, aġent tas-servizzi sigrieta u uffiċjal tal-Pulizija.
F’Settembru tal-1975, Gerald Ford, id-disgħa u tletin President Amerikan, kien fil-mira ta’ żewġ attentati, fil-ħamsa u t-tnejn u għoxrin tax-xahar. Fl-ewwel istanza, mara ppruvat tispara fil-mira ta’ Ford, iżda b’xorti tajba l-arma ma ħaditx. Fl-istanza l-oħra, għalkemm mara oħra irnexxilha tispara lejn il-President, din ma laqtitux.
President ieħor li kien fil-mira ta’ attentat ta’ qtil kien Harry Truman, it-tlieta u tletin President Amerikan, meta fl-ewwel ta’ Novembru tal-1950, żewġ attivisti ppruvaw jidħlu f’Blair House, fejn kien qed jirrisjedi waqt li kien qed isir rinovar fil-White House. Wieħed mill-aggressuri nqatel u l-ieħor kien arrestat. Pulizija kien vittma ta’ dan l-attakk.
Fi Frar tal-1933, dak iż-żmien il-President-elett, Franklin D. Roosevelt kien fil-mira ta’ attentat meta ġew sparati ħames tiri lejh waqt li kien qed jagħmel diskors f’Miami, Florida. Għalkemm it-tiri ma laqtuhx, erba’ persuni tilfu ħajjithom f’dan l-attakk inkluż is-Sindku ta’ Chicago.
Aktar minn mitt sena ilu, fl-1912 Theodore Roosevelt kien fil-mira ta’ attentat waqt li kien qed jikkampanja. It-tir sparat lejn sidru twaqqaf milli jolqot organi vitali, minn kaxxa tal-ħadid għan-nuċċali u l-ħamsin paġna li fuqhom kellu d-diskors miktub u li kien fil-ġlekk tiegħu.
L-ewwel attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ President Amerikan kien fil-konfront ta’ Andrew Jackson fl-1835. Għalkemm l-aggressur pprova jispara b’żewġ pistoli, it-tnejn ma sparawx kif suppost.
Dawn l-attentati ta’ qtil ta’ Presidenti Amerikani, jingħaqdu mal-erba’ attentati li kienu suċċess. Fil-mira ta’ dawn kien hemm Abraham Licoln, fl-1865, James Garfield, fl-1881, William McKinley, fl-1901 u John F Kennedy fl-1963.
B’mod notevoli kien hemm ukoll l-qtil ta’ hu John F Kennedy, Robert F Kennedy li kien nqatel fi sparatura f’Los Angeles f’Ġunju tal-1968 waqt li kien kandidat Presidenzjali.