Storja Animalta hija l-aktar proġett riċenti ta’ Heritage Malta li se tqanqal iktar lit-telespettaturi biex jitgħallmu iktar dwar l-istorja u l-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin.
Din se titwassal fid-djar tagħna permezz ta’ seba’ episodji qosra ta’ madwar nofs siegħa l-wieħed, b’narrattiva dwar karattru partikolari, grupp ta’ persuni, jew perjodu. Din is-sensiela se tiffoka fuq sitt ġrajjiet li jkopru 7,000 sena ta’ storja.
Dawn huma:
- Il-bennejja tat-tempji;
- Il-kummerċjanti Feniċi;
- In-nawfraġju ta’ San Pawl;
- In-Normanni;
- L-attakki mill-Ottomani, u
- L-irvellijiet kontra l-Franċiżi.
It-telespettatur se jintbagħat lura fiż-żmien b’mod kronoloġiku bil-għan li jifhem aħjar ftit mill-avvenimenti u l-karattri li spikkaw fl-istorja ta’ pajjiżna. Se jkun qed jintwera wkoll tagħrif supplimentari biex jikkumplimenta l-istorja.
Heritage Malta ppubblikat ukoll ktieb tat-tpinġija biex jikkumplimenta din is-sensiela animata bl-isem ta’ Colouring history – Malta and Gozo through the ages. Immirat għal tfal żgħar, il-ktieb jinkludi wkoll deskrizzjoni qasira dwar l-istorja tas-sitt stejjer li fuqhom kienet ibbażata Storja Animalta. Dan se jkun qed jinbigħ mill-ħwienet ta’ Heritage Malta.
Is-sensiela tnediet mill-Minsitru għall-Kultura Owen Bonnici, li rrefera għall-investiment dirett li qed jagħmel dan il-Gvern fis-settur kulturali. “Fl-aħħar snin niedejna fondi speċjali biex inħeġġu stazzjonijiet televiżivi privati jtellgħu programmu kulturali ta’ kwalità. Dan huwa ix-xogħol li qed nagħmlu biex il-qasam kulturali u l-istorja ta’ Malta disponibbli”, spjega l-Ministru Bonnici.
Il-kumpanija Reciprocal qed tieħu ħsieb il-produzzjoni ta’ Storja Animalta bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti u Heritage Malta. Is-sensiela se tintwera kull nhar ta’ Tnejn fuq ONE fit-8.30 p.m.
L-ewwel episodju se jintwera fit-30 ta’ Settembru.