Ħarsa inoċċenti, għajnejn miksura, donnhom jitolbu l-għajnuna.
Hekk nistgħu niddeskrivu kelb li tħalla fi ġnien ħajtu kolla, u li minkejja li kellu x-xorti jsib dar, xorta kellu jgħaddi minn tbatija kbira.
Tkellimna ma’ Maria Jenkins, deskritta minn ħafna bħala mara b’qalb kbira. Tiddedika ħafna mill-ħin tagħha biex tgħin annimali fil-bżonn, ħafna drabi mingħajr ħlas. Mhux biss tgħin annimali li jitħallew jiġru waħedhom fit-toroq Maltin, iżda toffri għajnuna lil santwarji bħall-Animal Welfare. Kien għalhekk li meta veterinarju kellha quddiemha il- ħarsa inoċċenti ta’ dan il-kelb, ftakret f’Maria.
Il-veterinajru ċemplet lil Maria biex tgħin fil-każ ta’ Biscuit, cocker spaniel li għandu biss tliet snin. Dak li kien sid Biscuit ħadu għand il-veterinarju biex itemmlu ħajjtu, għax kien invażat b’numru kbir ta’ brijad. Il-kelb kien jitħalla ġranet sħaħ fil-ħamrija. Iżda l-veterinarju żgur li ma kinitx se traqqad kelb li seta’ jingħata tama ġdida u futur li jixraqlu.
Maria Jenkins ma ħasbithiex darbtejn biex taċċetta li tfejjaq u turi mħabba lejn dan il-kelb. Bil-paċenzja kollha ħadet ħsieb lil din il-ħlejqa sfortunata, filwaqt li l-veterinarju offriet il-kura bla ħlas tul il-proċess kollu.
Stajna nifhmu r-rabja li għandha Maria għal nies li jiddeċiedu li jrabbu kelb jew kwalunkwe annimal ieħor meta ma jkunux jridu jew jistgħu jieħdu ħsibhom. “Immaġina tarbija tħalliha bil-ħarqa ġurnata twila, jew ittiha ikel li mhux addattat. Din hija moħqrija tal-annimali u nappella lin-nies kollha biex jaħsbuha qabel jidħlu għal dan id-dmir.”
Appellat ukoll lill-veterinarji biex quddiem każijiet bħal dawn, joffru l-għajnuna tagħhom, anke jekk bla ħlas.