BirdLife Malta rnexxielha żżoqq u tkabbar b’suċċess żewġt ifrieħ tal-Garnija li nstabu wara li kienu waqgħu mill-bejta.
Iż-żewġt ifrieħ li kienu għadhom kif faqqsu nġabru minn sidien ta’ dgħajjes f’okkażjonijiet differenti fl-inħawi tal-Blue Grotto fiż-Żurrieq.
L-ewwel ferħ salvat, li ngħata l-isem ‘Baħar’, kellu biss ftit jiem u kien jiżen biss 32 gramma meta nġabar. Minn dakinhar, taħt il-kura ta’ BirdLife Malta, Baħar kompla jikber u jsir aktar b’saħħtu kuljum u fl-aħħar jiem beda jtella’ r-rix li juri li bil-mod il-mod qed isir adult.
It-tieni ferħ, li ssemma ‘Carmel’, kien akbar u aktar b’saħħtu minn Baħar meta ġie mgħoddi f’idejn BirdLife Malta. Hu ngħata dan l-isem għas-sid tad-dgħajsa li salvah minn fuq il-baħar, Carmel Caruana.
Dan kien l-ewwel esperiment tat-tip tiegħu fuq il-Garni. Iż-żewġt ifrieħ it-tnejn li huma tkabbru minn BirdLife Malta li l-membri tagħha żaqqewhom skont in- normi xjentifiċi stabbiliti. Carmel, l-ikbar ferħ li llum jiżen 390 gramma, ukoll qed ikabbar ir-rix imma xorta għad għandu xi ftit tal-pil ta’ ferħ.
Carmel issa żviluppa biżżejjed biex jista’ jtir u għalhekk tpoġġa f’bejta artifiċjali – li tkun forma ta’ kaxxa ddisinjata apposta għall-Garni – u nħeles fl-Irdum tal-Madonna li hu wieħed mis-siti fejn insibu kolonja ta’ dawn l-għasafar tal-baħar. Issa jkun irid iqatta’ ammont ta’ ġranet hemmhekk biex jidra l-post sakemm effettivament isir membru tal-popolazzjoni lokali tal- Garni f’dan is-sit.
BirdLife imita l-proċess naturali tat-tkabbir tal-frieħ, meta l-ġenituri jħallu lill-frieħ tagħhom fil-bejta wara li jkunu żaqqewhom sew sakemm il-frieħ ma jkollhomx triq oħra ħlief li jitilqu għal rashom ifittxu l-ikel. Dawn il-frieħ qed jinħelsu fiż-żmien tas-sena meta normalment il-ġenituri jabbandunawhom fuq l-irdumijiet biex jaħsbu għal rashom u jsiru indipendenti.