“Min jgħid li l-istituzzjonijiet mhumiex jaħdmu taħt il-Prim Ministru Robert Abela qed ikun qed idaħħak in-nies bih.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-opinjonista u l-ħassieb soċjali Desmond Zammit Marmara, f’artiklu li kiteb fuq is-sit tal-midja tal-Knisja Newsbook.
Zammit Marmara sostna li taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, sar progress kbir fil-ġlieda kontra l-korrużjoni. Huwa rrimarka wkoll il-passi kbar li ttieħdu sabiex issir ġustizzja fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan hekk kif b’din l-aħħar bil-ħidma tal-istituzzjonijiet fosthom tal-Pulizija, il-Qrati u l-Avukat Ġenerali, komplew jitressqu aktar persuni sabiex jaffaċċjaw il-ġustizzja.
Kien hawnhekk li Zammit Marmara kritika bl-aħrax lill-Partit Nazzjonalista għal kif qed juża din il-materja għal skop politiku.
Sostna fil-fatt li bl-aġir tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jikkonferma kemm dak li jrid hija l-vendetta u mhux il-ġustizzja:
“Joqogħdu attenti ċerti esponenti Nazzjonalisti għax bid-diskors tagħhom qed juru biċ-ċar li dak li jridu hija biss vendetta u mhux ġustizzja.”
Fl-artiklu tiegħu Zammit Marmara kompla jtenni li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dan sabiex jivvendika ruħu talli ġie umiljat b’telfiet kbar fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali.
Dan filwaqt li qed jagħmel dan għaliex ukoll għadu qed jara lill-Partit Laburista b’saħħtu minkejja li issa ilu tmien snin fil-Gvern.
Desmond Zammit Marmara temm l-artiklu tiegħu billi sostna li l-poplu mhux iblah u jaf kif jgħarbel il-fatt mill-gideb sfaċċat:
“In-nies mhumiex boloh u jafu li hemm baħar jaqsam bejn il-fatti vera u l-gideb sfaċċat. Min jgħid li l-istituzzjonijiet mhumiex jaħdmu taħt Dr Robert Abela jkun qiegħed idaħħak in-nies bih.”