Binja, li serviet bħala kunvent għall-ordni reliġjuża tal-Ursolini f’Bormla, se tkun qed tinbidel f’boutique guest house.
Il-Kummissjoni tal-Ippjanar tat il-permess tagħha biex din tinbidel f’guest house ta’ 17-il kamra, waqt li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali m’oġġezzjonatx għall-proposta.
Ix-xogħlijiet m’għandhomx jaffettwaw il-karattru tal-binja, li tinsab f’Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA), u l-ebda karatteristika ta’ importanza arkitettonika mhu se tkun affettwata b’mod negattiv.
Ix-xogħlijiet jinvolvu alterazzjonijiet interni żgħar, iż-żieda ta’ tabella fuq il-faċċata ewlenija, estensjonijiet tal-ewwel u t-tielet sular (mingħajr ma jinħolqu sulari ġodda) u l-bini ta’ pool fuq il-bejt.
Minkejja li l-binja nbniet wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Istitut tal-Ursolini kkontribwixxa għal taħlita unika ta’ arkitettura antika u ġdida li tiddefinixxi era ta’ meta ġiet mibnija. Il-bini kellu rwol prominenti fil-komunità bħala binja ta’ importanza u għandu ċertu grad ta’ sinifikat arkitettoniku minħabba d-disinn tiegħu, li jikkumplimenta l-madwar.
L-iżvilupp se jaddatta l-binja għall-użu fl-ospitalità, filwaqt li jippriserva l-integrità arkitettonika tagħha b’rispett lejn il-post fejn tinsab.