Għat-tielet sena konsekuttiva, l-Istitut tal-Logħob Diġitali fl-Università ta’ Malta ġie kklassifikat bħala wieħed mill-aqwa istituzzjonijiet universitarji għall-gradwati fid-dinja.
L-Istitut, li ġie kklassifikat fis-17-il post, baqa’ kontinwament itejjeb il-pożizzjoni tiegħu f’dawn il-klassifiki u huwa wieħed mill-ftit istituzzjonijiet għall-gradwati barra l-Istati Uniti li rnexxielhom jkunu f’din il-lista.
L-Istitut qiegħed kontinwament jaħdem biex itejjeb is-servizz edukattiv li joffri lill-istudenti, li jinkludu żjarat fi studios, lekċerers mistiedna addizzjonali, u aktar opportunitajiet ta’ riċerka.
Id-Direttur tal-Istitut tal-Logħob Diġitali, il-Prof. Georgios N. Yannakakis qal, “Huwa tajjeb ħafna naraw li r-riċerka fl-Istitut tal-Logħob Diġitali qed tirċievi l-attenzjoni li jistħoqqilha. Bis-saħħa ta’ ħidma ma’ atturi ewlenin fl-industrija, bħal ma huma Ubisoft, u ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka ewlenin fl-Ewropa, permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE, l-istudenti tagħna jistgħu jipprattikaw it-taħriġ tagħhom fl-Intelliġenza Artifiċjali fuq problemi sinifikattivi fid-dinja reali. Aħna istitut multi-dixxiplinarju li nedukaw studenti gradwati fil-filosofija u l-istudji umanistiċi diġitali, kif ukoll fl-intelliġenza artifiċjali u l-machine learning u naspiraw biex l-istudenti tagħna jkunu ħassieba kreattivi uniċi li jistgħu jikkontribwixxu għall-industrija tal-video games u r-riċerka dwar il-video games, u l-interkonnessjonijiet bejn dawn it-tnejn.”
Din is-sena il-Princeton Review għażlet l-iskejjel għal-listi tal-aqwa programmi ta’ disinn tal-logħob fuq il-bażi ta’ sondaġġ li sar fl-2018 fost amministraturi f’150 istituzzjoni li joffru korsijiet, speċjalizzazzjonijiet u lawrji fid-disinn tal-logħob. L-iskejjel mistħarrġa kienu fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fl-Ewropa.
Is-sondaġġ ġabar informazzjoni dwar il-programmi tad-disinn tal-logħob ta’ dawn l-iskejjel f’erba’ oqsma: l-akkademiċi, il-fakultà, it-teknoloġija u l-prospetti tal-karrieri. B’kollox, aktar minn 40 punt ta’ data ġew analizzati biex jifformulaw il-listi. Aktar informazzjoni dwar il-metodoloġija tal-klassifiki ta’ The Princeton Review tinsab
L-Editur Kap ta’ The Princeton Review qal, “Nirrakomandaw ħafna l-Istitut tal-Logħob Diġitali tal-Università ta’ Malta u kull waħda mill-istituzzjonijiet li daħlu fil-listi tagħna għall-2019.” Hu żied jgħid, “Il-fakultajiet tagħhom huma eċċellenti u l-faċilitajiet tagħhom tal-għaġeb. Daqstant impressjonanti huwa l-fatt li l-alumni tagħhom jinkludu ħafna mill-aktar artisti, disinjaturi, żviluppaturi, u imprendituri prominenti tal-industrija tal-logħob elettroniku!”