L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, iddikjara issa li mhuwiex aċċettabbli f’pajjiż li jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku, jinħolqu sitwazzjonijiet fejn ix-xogħol tal-ġurnalist qiegħed ikun imminat u ridikolat.
L-Istitut qal li “fl-aħħar jiem osserva kitbiet fil-ġurnali lokali u fil-midja soċjali fejn editur u ġurnalisti kienu rċievew messaġġi, f’okkażjoni minnhom minn terzi persuni, dwar theddid u intimidazzjoni. F’każ ieħor ġurnalist kien fil-mira ta’ ridikolaġni għax għamel biss xogħlu. Iktar minn darba, anki ġurnalisti bejniethom kienu osservati jattakkaw lil xulxin b’kitbiethom”.
Fi stqarrija l-Istitut kompla jgħid li “kull min qed jimmina jew ixekkel ħidmet il-ġurnalist, ġej mil-liema sfond ġej, qiegħed biss jhedded il-libertà tal-istampa ħielsa kif garantita fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Xogħol il-ġurnalisti għandu jkun protett u mhux intimidat, u għaldaqstant kwalunkwe attakk fuq il-ġurnalist, huwa attakk fuq id-demokrazija”.
Fl-isfond ta’ klima politika li qalu kull ma jmur qed tiħrax, l-IĠM se titlob laqgħa urġenti mal-Kap tal-Uffiċċju ta’ Komunikazzjoni tal-Gvern u dak tal-Oppożizzjoni kif ukoll tal-partiti politiċi ewlenin biex itenni l-appell għal rispett sħiħ lejn il-ġurnalisti.