Qatt daqs illum ma kellna żgħażagħ Maltin u Għawdxin bil-ħeġġa li jinvestu fihom infushom, grazzi wkoll għall-għaqal ta’ Gvern Laburista li baqa’ joħloq l-opportunitajiet kollha neċessarji biex ikunu jistghu jidhlu fid-dinja tax-xogħol.
Waqt il-programm fuq ONE Radio bl-isem ‘Fl-Ewwel ta’ Mejju Kullħadd għall-Belt’, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, fakkar kif Gvernijiet Nazzjonalisti tul is-snin żarmaw l-iskejjel tas-snajja’.
Ma’ dan kien hemm ukoll l-għeluq tad-Dockyard u x-Shipbuilding u llum il-ġurnata hawn skarsezza kbira ta’ operaturi mħarrġin f’numru ta’ snajja’ b’dannu għal għadd ta’ industriji f’pajjiżna.
Biex isewwi dawn id-deċiżjonijiet ħżiena ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti u jindirizza tali nuqqas, il-Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, qed jerġa’ jinvesti bil-kbir f’dan il-qasam, qal il-Ministru Clifton Grima.
“Mis-sena akkademika li jmiss, jiġifieri Settembru-Ottubru li ġej, l-MCAST ħa jkun qed iniedi l-Istitut għas-Snajja’, li hi wegħda oħra tal-Partit Laburista. Wegħda li m’għamilnihiex kumbinazzjoni, imma konna nafu meta qed niktbu l-manifest elettorali l-bżonn li nagħtu aktar opportunitajiet idealment li jinħatfu minn żgħażagħ Maltin u Għawdxin u dawn l-opportunitajiet huma ċelebrazzjoni oħra hux hekk.”
Il-Ministru Clifton Grima
Minbarra hekk, waqt l-istess programm dwar l-iżvilupp fl-edukazzjoni nazzjonali, il-Ministru Grima wkoll tkellem dwar l-investiment biex żgħażagħ ikollhom l-opportunità jistudjaw f’pajjiżna stess fil-kors biex isiru veterinarji.
“Min irid jilħaq vet jista’ jistudja f’pajjiżna u, meta ħabbarniha, din kellek ħafna messaġġi ta’ inkoraġġiment. Ara kemm għandna għalxiex niċċelebraw Jum il-Ħaddiem. Kien hemm min, bħall-Partit Nazzjonalista, li pprova jbeżża’ u beda jgħid li l-kors mhux se jkun rikonoxxut, imma aħna għamilna kollox kif suppost u llum għandek l-ewwel tmin studenti f’pajjiżna biex nilħqu veterinarji.”
Il-Ministru Clifton Grima
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, li ħadet sehem ukoll fl-istess programm ta’ ONE Radio, enfasizzat fuq il-ħiliet tal-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Semmiet kif, bil-ħidma tagħhom, il-konsumaturi Maltin u Għawdxin qed jieħdu l-aqwa prodott lokali.
“Għadna kemm ftaħna l-istaġun tat-tonn. Daħal l-ewwel tonn ta’ din is-sena, kien anke mdaqqas u tieħu gost tara lis-sajjieda wara tant sagrifiċċji u preparamenti u ħafna sforzi, għax għamel ħafna maltemp mhux ħażin fl-aħħar ġimagħtejn u tieħu pjaċir tarahom deħlin bil-qabdiet tagħhom biex, fl-aħħar mill-aħħar, iwassluh għandna, jiġifieri għand il-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Alicia Bugeja Said, Is-Segretarju Parlamentari
Tul il-programm kemm il-Ministru kif ukoll is-Segretarju Parlamentari faħħru l-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u appellaw biex, fl-Ewwel ta’ Mejju, il-familji jingħaqdu flimkien biex fil-Belt Valletta jiċċelebraw dawn il-kisbiet kollha u oħrajn.