Mill-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju se jinfetħu l-ewwel applikazzjonijiet biex persuni li jkollhom interess f’karriera fis-Servizz Pubbliku japplikaw għal żewġ korsijiet imnedija mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-MCAST.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar bħala parti mill-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.
Fil-fatt inqal kif min itemm il-kors ta’ Procurement and Finance u dak tal-Public Policy and Managment b’suċċess isiru impjegati sħaħ tas-Servizz Pubbliku.
Dwar dan ONE News tkellem mal-prinċipal tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, Keith Bartolo.
“Dawn huma żewġ degrees li se nkunu qed niffukaw f’din is-sena u dawn l-IPS Students se jkollhom 3 snin l-MCAST fejn se jkollhom mix bejn lectures u xogħol.”
Bħalissa l-Istitut għandu 26 student isegwu kors ta’ Masters, b’16 oħra f’livelli differenti. Kemm ilu mwaqqaf, l-Istitut ffinanzja 275 uffiċjal pubbliku b’investiment ta’ €1.1 miljun.
Matul is-sena akkademika li għaddiet, l-Istitut għamel 265 kors li jvarjaw minn korsijiet għal gradi industrijali u tekniċi sa oħrajn għal gradi klerikali u amministrattivi kif ukoll oqsma oħra.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li f’din l-okkażjoni huwa xieraq li jsir pass ieħor biex l-Istitut ikun tabilħaqq l-akkademja u l-kulleġġ tas-Servizz Pubbliku. Saħaq li għalissa se jkun hemm żewġ korsijiet biss madankollu fil-ġejjieni se jiftaħ bibien oħra f’dixxiplini differenti.
Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tar-riċerka biex l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi jkompli jsib triqtu ’l quddiem.
Qal li permezz tar-riċerka jintgħarfu iktar il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku u jintlaħqu iktar l-aspirazzjonijiet tal-poplu sabiex b’hekk jitwasslu servizzi dejjem ta’ livell ogħla.
“Servizz li jfisser li ma jkunx ta’ taħbil il-moħħ ta’ min jużaħ. Dak huwa essenzjalment il-qofol ta’ dak li se nkunu qed naħdmu għalih. Għalkemm tidher viżjoni żgħira, però x-xogħol li jsir warajha, id-diskussjonijiet li qegħdin nagħmlu biex noħolqu l-istrateġiji meħtieġa, żgur li hemm bżonn li l-IPS mhux biss f’dawn il-ħames snin li għaddew imma anke għall-ġejjieni ikun il-qofol ta’ dak kollu li nagħmlu għat-tħejjija tal-uffiċjali pubbliċi.”