Is-sena li għaddiet, l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi ħarreġ mas-sitt elef u mitejn uffiċjal pubbliku fl-erba’ mitt kors li joffri bi sħubija strateġika mal-Università ta’ Malta u mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, lejliet li tiġi fi tmiemha l-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, tnediet is-sena akkademika l-ġdida filwaqt li ngħata rikonoxximent b’mod virtwali lil aktar minn ħames mitt student li ggradwaw.
L-Istitut twaqqaf fl-elfejn u sittax u minn dakinhar ’l hawn ħarreġ eluf ta’ uffiċjali pubbliċi, tant li ggradwaw mal-elf mija u sittin uffiċjal flimkien mal-ħames mija li ggradwaw il-Ħamis.
Is-suġġetti jvarjaw fosthom ix-Xiri Pubbliku, Customer Care u Amministrazzjoni.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li meta jħares lejn is-sena akkademika li jmiss irid li dan l-Istitut jilqa’ ħaddiema ġodda, iħejji ħaddiema li diġà qegħdin fis-servizz pubbliku, u jiftaħ l-orizzonti ta’ ħaddiema li jridu javvanzaw.
Is-Sur Cutajar stqarr, “Din is-sena hija sena ta’ konsolidament tat-tiġdid kollu li sar f’dawn l-aħħar seba’ snin fejn jidħol is-servizz pubbliku. Konsolidament ta’ tiġdid li huwa ċar li qed jagħti l-frott tiegħu f’kull qasam u mhux inqas fl-IPS.”
Waqt l-istess konferenza, ġiet inawgurata librerija ġdida fl-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.
Il-Kap taċ-Ċivil spjega li l-esperjenza fl-aħħar xhur minħabba l-imxija ħarġet fid-deher il-ħtieġa li jinħoloq spazju biex jikkumplimenta x-xogħol li jsir mid-dar. Iżda mhux biss.
“Qed noħolmu, qed naraw li nibbażaw ħafna fuq ir-riċerka – u allura għalhekk dawn ir-riżorsi ta’ librerija, ta’ online li qed niftħu, u iktar milli r-riċerka, it-traineeship jiġifieri li aħna l-istudenti neħduhom mill-Università meta jkunu għadhom għaddejjin fil-korsijiet tagħhom, nagħtuhom it-training hawnhekk biex anki jduqu s-servizz pubbliku, biex jagħtuna r-riċerki li jkunu qed jagħmlu imma iktar minn hekk ukoll irridu noħolmu li xi darba dan l-istitut ikollu l-istudenti tiegħu li jkunu qed ifittxu karriera fis-servizz pubbliku.” Temm jgħid il-Kap taċ-Ċivil.