Matul konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Istitut għall-Edukazzjoni, l-IFE, f’Pembroke, tnieda l-prospectus il-ġdid għas-sena 2025/2026.
Għaldaqstant, dan il-prospectus qed joffri dak kollu li tħaddan fiha din l-istituzzjoni, jiġifieri li tħeġġeġ u tfassal trasformazzjoni tal-persuna, għax l-istitut sar il-post fejn wieħed ikun jista’ jkompli javvanza fil-karriera edukattiva tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut, Joanne Grima, saħqet li tinsab grata bis-suċċess li din l-istituzzjoni kisbet matul dawn l-aħħar għaxar snin u elenkat li fl-għaxar snin li ġejjin, l-Istitut se jkompli jikber u jsaħħaħ il-professjonijiet kollha fil-qasam edukattiv.
F’kumment ma’ ONE News, Grima spjegat kif, f’erba’ snin, wieħed jista’ jlesti d-degree u jsir għalliem regolari.
“Il-B.Ed Hons. li aħna noffru fl-Istitut tal-Edukazzjoni, min irid, dawk l-istudenti li spiċċaw is-Sixth Form, jew Level 4 mill-MCAST jistgħu japplikaw mal-Istitut tal-Edukazzjoni u, f’erba’ snin, jiġifieri meta tispiċċa s-Sixth Form – ħafna nies ma jafuhiex din – f’erba’ snin part-time course, allura filgħodu tista’ taħdem, tista’ tagħmel supply teaching, tista’ tagħmel xogħol ieħor, imma fit-3:30 p.m., tiġi hawn, tagħmel id-degree tiegħek u f’erba’ snin inti tkun teacher regolari.”
Joanne Grima – Kap Eżekuttiv, IFE
Hi żiedet tgħid li nhar il-Ġimgħa li ġej, l-Istitut għall-Edukazzjoni se jkun qed jorganizza nofstanhar għal dawk kollha interessati jkunu jafu fuq il-prospectus għas-sena d-dieħla.
“Aħna niftħu l-bibien tagħna fit-3:00 p.m. u nibqgħu għaddejjin sat-8:00 p.m. u l-pubbliku kollu li hu interessat biex isir jaf min aħna, x’korsijiet għandna, x’korsijiet nistgħu noffru, forsi jiġu xi ġenituri u jistaqsu għat-tfal tagħhom x’korsijiet noffru, aħna nistednukom, qegħdin hawn, se jkun hawn talks differenti, imma se nkunu hawn aħna biex nirrispondu l-mistoqsijiet kollha li jkollhom.”
Joanne Grima – Kap Eżekuttiv, IFE
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, faħħar ix-xogħol siewi li qed jagħmel l-istitut u elenka kif, fl-aħħar nett, ix-xogħol li qed isir se jitgawda mill-istudenti Maltin u Għawdxin.
“Tajjeb wieħed jgħid li, fl-aħħar snin, kellna aktar minn 500 gradwat li kważi 400 minnhom illum qegħdin jew imexxu l-iskejjel tagħna jew inkella joffru s-servizzi fl-iskejjel tagħna. Għalhekk, dan l-istitut għandu r-rwol fl-ekosistema edukattiva tagħna permezz ta’ korsijiet li huma addattabbli, korsijiet li jaraw li joffru l-kwalità, kwalità li mbagħad igawdu minnha wliedna.”
Clifton Grima – Ministru
