L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda prospett b’għexieren ta’ korsijiet ġodda għall-edukaturi u l-ġenituri għas-sena skolastika li jmiss.
Fil-fatt, il-Prospett jinkludi 40 kors ta’ kwalifika, 47 korsijiet qosra akkreditati, 34 sessjoni mhux akkreditati immirati għall-ġenituri/kustodji tat-tfal u 49 sessjoni mhux akkreditati għall-edukaturi biex ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom. Dan il-prospett jinkludi 4 korsijiet ta’ kwalifiki ġodda, Bachelor of Education (Hons) Media Literacy; Master of Education Teaching Students with Disabilities; Master of Education (Top-Up) u Master in Applied Educational Leadership (Top-Up).
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni, Joanne Grima, stqarret kif il-korsijiet qegħdin ikunu offruti b’ħafna flessbilità.
“Prospectus mimli korsijiet, mimli kwalifiċi għal min jixtieq isir edukatur. Il-korsijiet tagħna huma part-time, partly online, jiġifieri għandek partijiet minnhom synchronous u asynchronous biex inżidu l-aċċessibiltà u l-flessibiltà.”
Grima nnotat ukoll kors ġdid partikolari li qiegħed jiftaħ il-bibien għall-LSEs kwalifikati biex ikunu jistgħu jsiru għalliema.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima stqarr kif permezz ta’ opportunitajiet bħal dawn dawk fis-settur edukattiv qegħdin jinvestu fihom infushom.
“Bir-riżultat aħħari jkun illi jkollok aktar għodda li permezz tagħha jagħtu edukazzjoni dejjem aktar sħiħa dejjem aktar rilevanti lill-istudenti. Allura, dan huwa eżempju ieħor kif bħala pajjiż qegħdin nagħrfu l-importanza tal-professjoni tal-għalliema tal-edukaturi u qegħdin propju ninvestu f’dan is-settur tant importanti.”
Bħalissa fl-Istitut għall-Edukazzjoni hemm madwar 400 persuna li qed jitħarrġu biex jiksbu kwalifika u 57 parteċipant f’korsijiet qosra u akkreditati. Matul din is-sena akkademika resqu iktar minn 135 ġenitur biex jitħarrġu f’suġġetti varji u biex ikunu iktar ippreparati biex jgħinu lit-tfal tagħhom filwaqt li 173 edukatur ieħor għażlu sessjonijiet ta’ taħriġ mhux akkreditat.