L-Istitut għall-Arti Kreattiva fetaħ il-bibien għal madwar 300 student mill-31 ta’ Awwissu biex joffri sessjonijiet prattiċi li ġew posposti fis-sena skolastika li għaddiet meta ngħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi. L-istudenti kollha se jibdew il-korsijiet tagħhom sad-19 ta’ Ottubru u s-sessjonijiet jinkludu lezzjonijiet fuq il-kampus kif ukoll dawk online.
Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici għamel fl-Istitut għall-Arti Kreattiva fil-kampus tal-MCAST fil-Mosta flimkien mal-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James intqal li dan is-sajf kien hemm ħidma sabiex l-ispazji tat-tagħlim tal-MCAST ġew organizzati mill-ġdid b’firxa ta’ miżuri ta’ sigurtà konformi mal-protokoll ta’ sigurtà tal-Kulleġġ. Huma raw ukoll il-miżuri kollha li ttieħdu sabiex jissalvagwardjaw lill-edukaturi kif ukoll l-istudenti.
L-istitut għall-Arti Kreattiva (ICA) rreġistra żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal 24 kors li qed joffri. Il-korsijiet fl-ICA ivarjaw mill-arti u d-disinn għad-disinn grafiku, il-produzzjoni tal-midja kreattiva, il-fotografija u l-ġurnaliżmu, id-disinn tal-moda u l-arti tal-ispettaklu, kif ukoll il-ħiliet tal-wirt kulturali.
Dan l-istitut ġie stabbilit fl-2001, kien magħruf qabel bħala l-Istitut tal-Arti u d-Disinn u għaqqad flimkien il-kompetenzi taċ-Ċentru tal-Arti u d-Disinn u tal-Iskola Salvatore Dimech għal Persuni tas-Sengħa. Bħala wieħed mis-sitt istituti tal-MCAST, fl-2014, l-isem inbidel għal Istitut għall-Arti Kreattiva biex jirrifletti l-iżvilupp tul is-snin u l-firxa wiegħsa ta’ korsijiet li joffri.
Fi stqarrija maħruġa mill-Minsiteru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol intqal li f’dan ix-xahar, aktar minn 860 student se jibdew korsijiet fl-Istitut għall-Arti Kreattiva (ICA) fi ħdan l-MCAST fil-Mosta.