Fl-okkażżjoni ta’ Jum l-Omm, il-kantanta Dr Lynn Chircop Faure ħadmet fuq proġett awdjo-viżiv b’kanzunetta miktuba minnha stess. ”Fis-skiet mal-Omm – Betty” hija kompożizzjoni ddedikata lill-ommijiet kollha, nkluż dawk li ħallew din l-art għaliex fis-skiet l-ulied jibqgħu jħossu lill-ommijiet tagħhom f’qalbhom u qribhom tul ħajjithom kollha.
”Ktibt din il-kanzunetta għal jum l-omm b’rikonoxximent speċjali lil ommi Carmen Chircop ta’ kull ma’ tagħmel għalija. Infakkar l-effett tal-imħabba tal-ommijiet fuq uliedhom u nsellem lil għażiża kunjata, Elizabeth Faure magħrufa bħala Betty, in-nanniet tiegħi Rosie Attard u Ginnie Chircop, ż-żijiet Doris Attard u Diedre Chircop, il-qraba u l-ħbieb ommijiet li m’għadhomx magħna. Fis-Skiet inħosshom miegħi. Fl-Aħħar u mhux l-inqas nirringrazzja lil binti Lizzie Ann ta’ kemm ġabet ferħ f’ħajti u magħha ngħix l-esperjenza unika ta’ Omm.”
DR LYNN CHIRCOP FAURE – KANTANTA
Din il-produzzjoni awdjoviżiva tinkludi ritratti ta’ ommijiet ma’ uliedhom li ħadu sehem f’sejħa pubblika li l-kantanta għamlet permezz ta’ mezzi soċjali. Permezz ta’ dan il-proġett, Dr Lynn Chircop Faure tixtieq twassal il-messaġġ li l-imħabba m’għandiex konfini u li l-istint matern jista’ jkun ipprattikat b’modi differenti u jippermetti l-istess sodisfazzjon bejn nisa u persuni li jħobbuhom bħala ommhom għalkemm ma jkunux wellduhom.