L-istilla fuq il-Hollywood Walk Of Fame tal-attur Bill Cosby mhux se titneħħa minn din it-trejqa popolari minkejja li dan se jintbagħat sa 10 snin ħabs wara li nstab ħati ta’ abbuż sesswali.
Il-Kamra tal-Kummerċ għal Hollywood qalet li filwaqt li hija sfortuna li l-ħajja personali taċ-ċelebritajiet ħafna drabi ma tkunx skont ir-rieda ta-pubbliku, l-istilel għandhom jibqgħu ifakkru dak kollu li kisbu dawn in-nies tul il-karriera tagħhom.
Cosby, li għandu 81 sena, ingħata sentenza ħabs ilbieraħ wara li nstab ħati ta’ abbuż sesswali, u kien imniżżel fuq ir-reġistru Amerikan ta’ persuni li jwettqu abbużi sesswali.
Intant, l-avukat Andrew Wyatt li deher għal Cosby, insista li l-verdett finali kienet wieħed sessist u razzist, u li Cosby ma kienx ħaqqu jintbagħat il-ħabs.