5,000 persuna f’Malta u Għawdex se jkunu misitedna jieħu sehem fi stħarriġ intensiv dwar l-istill ta’ ħajja li jgħixu fiha. L-għan ta’ dan l-istħarriġ huwa li jiġi analizzat kif l-affarijiet ta’ kuljum jaffettwaw saħħet il-persuni.
Ir-rizultati li joħorġu minn dan l-istħarriġ se jgħinu lill-Gvern ifassal l-istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa għall-2020-2030.
Fit-tnedija ta’ dan l-istħarriġ, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li mill-Erbgħa, il-persuni magħzula mir-reġistru elettorali se jirċievu invit sabiex jipparteċipaw għal dan l-istħarriġ. Dan filwaqt li jiġu indirizzati nuqqasijiet li jista’ għad hemm fis-soċjetà Maltija u li jistgħu jinfluwenzaw l-ugwaljanza tas-saħħa fost il-poplu.Il-persuni magħżula huma kollha ta’ l fuq minn 16-il sena.
Minn Settembru sa Marzu, rapprezentanti mill-kumpanija EY se jiltaqgħu ma’ dawk magħżula u jistaqsuhom għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-istil ta’ ħajja tagħhom. Gauci spjegat li “dan il-proġett jikkonsisti f’survey u aħna nħeġġu lil dawk sabiex jipparteċipaw f’dan is-survey, sabiex nfasslu l-aqwa strateġija”.
Qalet ukoll li apparti dan l-istħarriġ, 11-il persuna mill-Ministeru għas-saħħa u entitajiet oħra se jagħmlu job shadowing mal-għaqda dinija tas-saħħa dwar fatturi li jiddeterminaw is-saħħa tal-persuna fosthom id-dħul finanzjarju li għandu..
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jipparteċipa f’dan l-istħarriġ.
Spjega kif sal-Lulju li ġej il-Ministeru għas-saħħa se jkollu l-ewwel rizultati ta’ dan l-istħarriġ. Sabiex sal-aħħar tas-sena id-dieħla ikollna l-ewwel abbozz, bl-azzjonijiet u l-prekawzzjonijiet li se jittieħdu għall-għaxar snin li ġejjin.Fearne qal li dan “huwa stħarriġ differenti għax naraw kif ix-xogħol, fejn tmur fi tmiem il-ġigmħa, jekk tgħamilx eżerċizzju, kif dawn l-affarijiet jaffettwaw ħajjet in-nies”.
Dan l-istħarriġ se jsir b’investiment ta’ €2.9 miljun, il-parti kbira tagħhom Fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia tkellem dwar l-importanza li Fondi Ewropej jintużaw għall-qasam tas-saħħa, għaliex bihom “tinġabar informazzjoni dwar l-istil ta’ ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi għas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. B’hekk, għal dan il-proġett alokkajna €2.2 miljun ta’ Fondi Ewropej mill-programm speċjali”.