“Ġieli jkunu kważi se jtajruni għax jibqgħu jħarsu lejja waqt li nkun qed insuq il-quodbike.”
Hekk stqarr Matthew Chetcuti, attivist għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, waqt li kien qed jiddiskuti l-istigma li jaffaċċja hu.
Dwar esperjenzi simili tkellmu ukoll Oliver Scicluna u Christine Deasey, li t-tnejn li huma kienu parti minn panel waqt l-attività organizzata mill-Fondazzjoni Ideat li matulha ġiet diskussa l-istigma dwar id-diżabilità.
Ma’ ONE News, Christine Deasey tkellmet dwar kummenti li tisma’ u saħaqet fuq kemm huwa importanti li persuna tqis kliemha sew.
“L-ikbar stigma naħseb hija l-‘jaħasra’ jew inkella tgħid lil xi ħabib, ‘għandek mertu quddiem Alla’ għax tieħu ħsieb persuna b’diżabilità. Ovvjament, dawn il-ways of thinking ma jinbidlux b’inċentivi jew riformi. Dawn jinbidlu bil-perspettiva tan-nies.”
Christine Deasey tkellmet ukoll dwar l-indipendenza tagħha u l-ostakli li ssib, fosthom fit-trasport, fejn saħansitra ġieli jkollha tħallas aktar minn €50 biex tagħmel vjaġġ wieħed.
“Hemm bżonn li jsir aktar biex il-persuna tħossha aktar inkluża, ukoll fid-dinja, għax aktar ma l-persuna tħossha inkluża, ngħid għalija, aktar ma f’dan l-aħħar sena ħassejtni inkluża fid-dinja pubblika, aktar sirt lin-nies ngħinhom ikunu aktar inklużivi miegħi.”
Intant, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Ideat, Elaine Degiorgio, spjegat is-suġġetti li se jkunu qed jiġu diskussi fil-ġimgħat li ġejjin bħala parti mill-kampanja ‘Stigma’.
“Dan is-suġġett huwa wieħed minn erbgħa għaliex, fil-fatt, se nkunu qegħdin nitkellmu wkoll dwar is-settur tal-LGBTIQ+, is-saħħa mentali – b’mod partikolari anke saħħa mentali fuq l-irġiel, ukoll, illi hemm bżonn ukoll li nqajmu kuxjenza dwarha – u anke dwar il-criminality and addiction, illi persuna li tidħol il-ħabs, għaliex m’għandhiex tingħata dak it-tieni ċans? Dawn huma suġġetti li forsi huwa diffiċli li wieħed jiddiskuti għax huma pjuttost sensittiv, però qegħdin hawn biex nisimgħu lil kulħadd għaliex kulħadd huwa mistieden għal dawn l-attivitajiet u flimkien inkunu nistgħu negħlbu din l-istigma.”