L-aħħar stħarriġ tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà kompla joħloq aktar ġlied u diżgwid intern ġdid fil-Partit Nazzjonalista.
Jixhdu dan reazzjonijiet fuq il-mezzi soċjali bejn partitarji Nazzjonalisti viżibilment urtati lejn it-tmexxija l-ġdida fit-tmun tad-Dar Ċentrali.
Il-Ħadd li għadda l-gazzetta t-Torċa ppubblikat stħarriġ li jixhed żieda fil-fiduċja tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista fil-konfront ta’ Bernard Grech u l-Partit li jmexxi.
Ftit sigħat wara li l-pubbliku beda jaqra r-riżultat ta’ dan l-istħarriġ, il-midja soċjali kienet miżgħuda b’reazzjonijiet ta’ stmerrija minn partitarji Nazzjonalisti tal-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia.
L-istess Kap li r-raġuni ewlenija għaliex tqaċċat minn Kap kienet minħabba riżultati negattivi fis-sondaġġi.
Fost il-ħafna kummenti li fnew il-midja soċjali kienu ta’ partitarji tal-Partit Nazzjonalista, jheddu li se jħallu l-vot id-dar minħabba t-tmexxija attwali.
Persuna partikolari qalet “Jien nagħmel fattija, sakemm jibqgħu dawk iż-żibel, il-vot id-dar jibqa’.”
Oħrajn fakkru f’dak li ġara lill-eks Kap Adrian Delia u jekk it-tmexxija attwali tal-PN hux se timxi bl-istess riga ma’ Bernard Grech. Fil-fatt, persuna oħra qalet “Tgħid ħa jmorru għand il-President jerġgħu wara dan is-survey? Fejn hu Schiavone?”, b’referenza li dan id-Deputat kien waħħal fil-kampjonat tal-EURO minħabba stħarriġ ħażin fis-sajf.
Kumment ieħor jgħid hekk, “Fottewh partit hemm koċċ tradituri” filwaqt li ieħor jgħid “Biex il-Partit jerġa’ jieħu r-ruħ l-ewwel jerġa’ jilħaq Kap Dr Adrian Delia u hemm xi membri jridu jwarrbu minnufih, il-bqija nibqgħu neżlin fil-qiegħ.”
Fuq l-istess suġġett Adrian Delia nnifsu rreaġixxa għall-istħarriġ.
B’kitba fuq Facebook l-eks Kap tefa’ ritratt tal-gazzetti quddiemu jgħid li bil-kwiet qed jaqra l-gazzetti. Persuna partikolari f’dan ir-ritratt qalet “Irridu l-bidla meta aħna għażilniha tliet snin ilu u ma rrispettawnix, huma kissruh il-Partit.” Delia dlonk irrispondieha u qalilha “għandek raġun.”
F’kitba separata Delia saħansitra qal li għad hemm ħafna rabja għal min tradixxa mhux lilu imma l-vot demokratiku. Hemmhekk il-partitarji wkoll kkumentaw.
Partitarju minnhom li evidentament jissimpatizza mal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, ċanfar lil Delia għaliex qatt ma sikket il-partitarji tiegħu li baqgħu jsejħulu Kap anke wara li tela’ Bernard Grech.
Delia dlonk wieġbu li hu jemmen fin-nies. Qallu hekk ukoll: “Għax m’għandix l-arroganza li nsikket.”