Ħadd ieħor tal-kampanja elettorali reġa’ fisser il-pubblikazzjoni ta’ numru ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika. L-istħarriġ baqa juri appoġġ konsistenti favur il-Partit Laburista u iktar fiduċja f’Joseph Muscat.
L-istħarriġ ta’ The Malta Independent u t-Torċa jagħtu riżultati qrib ħafna ta’ xulxin. F’dak ta’ The Malta Independent il-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ għaxra fil-mija bil-Partit Laburista jgawdi l-appoġġ ta’ 40.1% tal-elettorat u l-Partit Nazzjonalista 30.2%.
F’dan l-istħarriġ Joseph Muscat kiseb il-fiduċja ta’ 48.9% tal-elettorat u Simon Busuttil 37.8%.
Fl-istħarriġ tat-Torċa l-Partit Laburista jgawdi vantaġġ ta’ 9.5% jekk wieħed ineħħi dawk li ma jafux jew mhux se jivvotaw. Dan ikun għaxra fil-mija bħal ta’ The Malta Independent jekk wieħed ma jeskludix il-dawn. Fil-fatt 41.3% jgħidu li jivvotaw il-Partit Laburista u 31.2% lill-Partit Nazzjonalista. Hawn ukoll Joseph Muscat igawdi minn ferm iktar fiduċja bi 42.1% jafdaw lilu u 31.7% lil Simon Busuttil.
Bħal fl-aħħar ġimgħat l-istħarriġ tal-maltatoday juri differenzi li huma iżgħar. Filwaqt li l-Partit Laburista jgawdi appoġġ ta’ 40.2%, il-Partit Nazzjonalista għandu 36.6%. Jekk wieħed ineħħi l-indeċiżi u dawk li mhux se jivvotaw id-differenza titla’ għal ħamsa fil-mija.
Joseph Muscat huwa fdat iktar f’dan l-istħarriġ ukoll bi 43.9% jafdaw lilu u 39.2% lil Simon Busuttil.