“L-istess persuni li ħolqu l-problemi ta’ pajjiżna ma jistgħux isolvuhom.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat taħt it-tinda f’Ħal Tarxien. Dan b’referenza għal Simon Busuttil u l-kandidati ewlenin tal-Partit Nazzjonalista li meta kienu fil-Gvern, wara l-elezzjoni għamlu dak li ma qalux li se jagħmlu qabel l-elezzjoni.
Dan għaliex “dawn in-nies huma l-istess nies li għal tant snin kienu jgħidu lil poplu mod u jagħmlu oħra.” Joseph Muscat fakkar lin-nies kif Gvern Nazzjonalista, li parti minnu kien hemm Simon Busuttil għolla l-VAT, il-bolla u l-kontijiet. Affarijiet li qabel l-elezzjoni ma qalx lil poplu.
Il-Prim Ministru tenna li min-naħa Partit Laburista għandu kelma tal-azzar u kelma li kulħadd jemmen u n-naħa l-oħra hemm kelma tat-tafal ta’ min kiteb il-manifest elettorali u fl-istess nifs kien jgħid li l-proposti tagħna ma jistgħux isiru u minflok kien jgħidilna biex billejl nixegħlu l-washing machine u qalilna biex nidraw il-mediċini out of stock.
Għalhekk, saħaq il-Prim Ministru huwa biss Gvern Laburista li solva l-problemi u għandu l-kredibilità li jkompli jsolvi l-problemi tal-pajjiż.
“Dan il-moviment, jaf x’qiegħed jgħid u jaf kemm tiswa kull proposta u twettaq dak li wiegħed. Dan jafu kulħadd u kulħadd jaf li bħal ma żammejna kelmta f’dawn l-aħħar erbà snin se nerġgħu nżommu kelmtna.”
Fil-fatt, Joseph Muscat għamel referenza għal kif f’erbà snin biss, Gvern Laburista rnexxielu jwettaq 90% tal-manifest meta l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux iwettaq mhux biss dak li wiegħed għal ħames snin iżda dak li wiegħed għal ħmistax-il sena.
Taħt it-tinda f’Ħal Tarxien il-Mexxej Laburista fakkar f’numru ta’ wegħdi li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies u li huwa rrelevanti kemm il-proposta taffettwa nies għax għalih kull persuna hi l-istess. Fost oħrajn semma’ l-IVF b’xejn li llum wassal għal 62 twelid ġdid.
“Dawn it-trabi twieldu bir-rieda u s-saħħa tagħhom għax emmintu f’dan id-dritt. Aħna naħsbu f’kulħadd u nemmnu li kulħadd hu importanti u l-istess.”
Joseph Muscat temm id-diskors tiegħu jfakkar li l-koalizzjoni ta’ konfużjoni tara biss wiċċ ta’ Laburist jew wiċċ ta’ Nazzjonalist. Dan b’referenza għat-tweġiba li Simon Busuttil ta lil student Għawdxi u spjega li meta Simon Busuttil ma jkollux script quddiemu joħroġ fil-beraħ min vera hu.
“Għal Simon Busuttil Malta hija maqsuma bejn nazzjonalist u laburist, bejn in-north u s-south u l-fqir u s-sinjur. Iżda għalina Malta hi tan-nies kollha.”
Id-diskors intemm bi sfida lil Simon Busuttil li “gideb” dwar il-Prim Ministru u martu u għalih kellu messaġġ.
“You can run but you cannot hide”
Dan wara li lbieraħ qal li mhux se jkun qed jirreżenja jekk joħroġ li gideb dwar il-Prim Ministru u li qed itawwal iż-żmien biex ir-riżultat tal-inkjesta ma joħroġx. Iżda min-naħa l-oħra, għal darb’oħra l-Prim Ministru qal li jekk ikun hemm ħjil ta’ involviment tiegħu f’dan il-każ, huwa jirriżenja, iżda jekk le jassigura li Simon Busuttil jerfa’ r-responsabbiltà.