F’erbgħa u għoxrin siegħa u dwar l-istess suġġett, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kellu żewġ pożizzjonijiet.
Is-suġġett huwa l-morning-after pill li dwarha sal-Ħamis filgħodu Busuttil kien qed jgħid li jaqbel mal-preskrizzjoni tat-tabib. Kienet it-Times of Malta li staqsietu dwar is-suġġett u fit-tweġiba qal li kien favur il-kompromess li ntlaħaq f’kumitat tal-Parlament. Dak li tkun l-Awtorità tal-Mediċina li tiddetermina jekk il-kontraċettiv ta’ emerġenza titpoġġiex fis-suq u li jekk iva, imbagħad mara trid tmur għand it-tabib għal riċetta. Saħansitra qal li mhux se jkun qed jattendi protesta l-Ħadd li ġej kontra dan il-kompromess, għax jaqbel miegħu.
Iżda, wara ftit sigħat Busuttil fittex lill-Independent biex jirranġa xi ftit il-pożizzjoni tiegħu. Qal li l-pożizzjoni tiegħu hi ċara. Jekk mhix abortiva mhemmx dubju li din għandha tkun disponibbli mill-ewwel u saħansitra prova jitfagħha fuq it-Times li kienet kostretta tiċċara l-Ġimgħa filgħodu u qalet li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien qed imur lura minn dak li qal ġurnata qabel fuq is-suġġett.
U meta kien ikkuntatjat biex jispjega l-kontradizzjoni, Simon Busuttil, qal li l-pożizzjoni tiegħu kienet ċara minn dejjem.
Peró t-Times of Malta ppubblikat kelma b’kelma l-mistoqsija u t-tweġiba tal-jum ta’ qabel u Simon Busuttil mkien ma’ qal dak li qal lill-Independent.
Anzi qal bil-kontra biex f’erbgħa u għoxrin siegħa fuq l-istess suġġett Busuttil kellu żewġ pożizzjonijiet.