Wara waqfa waranofsinhar, il-133 kardinal, li qed jieħdu sehem fil-konklavi, reġgħu nġabru fil-Kappella Sistina biex jagħtu r-raba’ ġudizzju tagħhom f’dan il-proċess storiku għall-Knisja Kattolika Rumana.
Dan waqt li eluf għadhom miġburin fi Pjazza San Pietru u miljuni oħrajn qed isegwu minn madwar id-dinja permezz ta’ xandiriet diretti għad-daħna l-bajda li tagħti l-ewwel indikazzjoni li jkun inħatar Papa ġdid, li jkun is-suċċessur tal-Papa Franġisku, li miet fil-21 t’April li għadda.
L-elezzjoni tista’ tissokta b’żewġ rawnds oħra llum, wara t-tnejn ta’ dalgħodu bla riżultat konklussiv. Issa jmiss vot għall-ħabta tal-5:30 p.m. u oħra għal xis-7:00 p.m. jekk jibqa’ ma jkunx hemm maġġoranza ta’ żewġ terzi li taqbel fuq isem wieħed.
Il-ħtieġa għal ħatra valida tibqa’ l-istess f’dan il-konklavi, jiġifieri mill-inqas 89 kardinal iridu jivvotaw għall-istess persuna biex tiġi eletta Papa. Il-proċess, kif qed insegwu, jaf jieħu ż-żmien u, storikament, l-aħħar konklavi kienu damu madwar tlett ijiem u l-qbil intlaħaq wara madwar seba’ rawnds ta’ votazzjoni.
Jekk ma tintlaħaqx deċiżjoni llum, allura jissokta l-proċess b’erba’ votazzjonijiet oħrajn li huma skedati għal għada fl-istess ħinijiet.