Matul is-sena, l-istazzjonijiet ONE jibqgħu tal-aqwa kumpanija għat-telespettaturi u s-semmiegħa 24 siegħa kuljum, b’għadd ta’ programmi ta’ divertiment, attwalità, diskussjoni, informazzjoni u programmi varji li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
U, f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, ma jistax jonqos li kemm ONE kif ukoll ONE Radio jippreżentaw programmi mżewqin għall-okkażjoni, bil-għan li jkomplu jservu ta’ kumpanija mill-aqwa.
It-Tnejn 23 ta’ Diċembru, fis-sitta u kwart ta’ filgħaxija, l-istazzjon televiżiv ONE se jxandar dokumentarju bl-isem ‘Fejn Stkennew Ġużeppi u Marija’, fejn se jiġi intervistat ukoll Massimo Borg, persuna li tagħmel il-presepji.
Lejlet il-Milied jixxandar spettaklu ta’ kant u mużika, taħt id-direzzjoni ta’ Tiziana Calleja, filwaqt li se tixxandar wkoll edizzjoni speċjali tal-programm ‘Awla’ iddedikat għall-Istrina ta’ din is-sena.
F’Jum il-Milied, ix-xandiriet ta’ ONE jinkludu kollegament mal-Vatikan għall-barka tal-Papa, biex imbagħad jixxandar ukoll il-kunċert li ttella’ fir-Rotunda tal-Mosta.
Filgħaxija, imbagħad, tixxandar edizzjoni speċjali tal-programm ‘Manicolo & Co’ ma’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela u binthom Giorgia Mae, filwaqt, li fid-disgħa u kwart se jixxandar il-film lokali ‘Klassi Għalina vs Dragula’.
L-għada tal-Milied, ONE jingħaqad għax-xandira annwali ta’ ‘L-Istrina’.
Il-Ħadd 29 ta’ Diċembru, fuq talba popolari, ONE se jkun qed ixandar is-serata li tagħti ġieħ lill-awtur u poeta mibki Ray Mahoney, ‘L-Għanja li Ħadd Ma Jsikket’.
Nhar it-Tnejn 30 ta’ Diċembru, il-film lokali ‘Klassi Għalina: Mission to Moscow’, filwaqt li t-Tlieta 31 ta’ Diċembru, żewġ kunċerti oħrajn, ‘Joe Cocker, Fire It Up, Tribute It Up’ minn William Mangion Mascoli u Linda Veiksa, u ‘Melodrama, Ozzy Lino Live in Concert’.
L-aħħar minuti tal-2024, ONE jingħaqad b’mod dirett mal-Belt kapitali fejn titwassal l-atmosfera fi Pjazza San Ġorġ u l-merħba li Malta tagħti lis-sena l-ġdida, permezz ta’ spettaklu tan-nar mill-Port il-Kbir.
Proprju dwar dawn ix-xandiriet speċjali, tkellimna mal-Head of Production tal-istazzjon televiżiv ONE, Wayne Aquillina.
“F’dan iż-żmien ta’ festi, ONE jibqa’ viċin is-segwaċi tiegħu. Minn hawn irrid nirringrazja lil diversi produtturi li jibqgħu għaddejjin b’diversi programmi li jingħataw il-libsa tal-Milied. Però, apparti dan, ikollna programmi u xandiriet speċjali. Anke nżommu t-tradizzjonijiet tagħna, fosthom bix-xandira tal-quddiesa tal-Lejlet il-Milied.”
WAYNE AQUILLINA
ONE Radio ħejja wkoll skeda speċjali għal dan iż-żmien ta’ festi minn programmi ta’ mużika għal programmi ta’ diskussjoni li jagħtu ħarsa lejn dak li ġara matul din is-sena.
Min-naħa tiegħu, il-Kap ta’ ONE Radio, Clint Bajada, semma l-preparamenti li għaddejjin biex din l-iskeda speċjali għal dan iż-żmien festiv iżżomm kumpanija lis-semmiegħa ta’ dan l-istazzjon.
“Bażikament ONE Radio ser ikun qed ixandar ukoll il-programmi normali, imma b’laqta aktar mużikali u aktar familjari u affarijiet relatati mal-milied,iġifieri ħafna mużika, ħafna dediki u affarijiet oħra li jagħmlu dawn il-festi speċjali għalina f’dan l-istazzjon”
CLINT BAJADA