Tistħajjilhom trabi ta’ veru. Din qisha għadha kif qamet u din qisha għaddejja f’dinja għaliha, f’nofs ħolma. Min jaf x’inhi timmagina? Dawn huma żewg pupi magħmula mill-vinayl mill-artista Jennifer Hubbers.
Din il-premm hija tad-ditta Pedigree, probabbilment li l-importatur kien Joe Scicluna mir-Rabat Għawdex. Jingħad li kellha rabta ma’ persuna fil-ġerarkija għolja tal-Knisja f’Għawdex filwaqt li din il-pupa tmur lura mitt sena, cirka tal-1900 tad-ditta Armand Marsiele.
Nostalġija li tibqa’ biss imnaqqxa f’moħħ dawk li għexuha u esperjenzawha.
Din hija parti minn wirja li kienet għaddejja fl-istazzjon tal-ferrovija f’Birkirkara. L-għan huwa li l-istazzjon ikompli jiġi mgħammar b’oġġetti li kienu jintużaw fi żmien li f’pajjiżna kienet taħdem il-ferrovija ta’ Malta jew kif kienet magħrufa aħjar bħala l-Vapur tal-Art. Dan qed isir sabiex dan il-mużew ikompli jħaddan il-wirt u l-patrimonju ta’ pajjiżna.
Sezzjoni ġdida hija t-taqsima marbuta ma’ xogħol tal-ġebel ta’ Emmanuel Cuschieri, li juru binjiet li huma marbuta mat-tramm u l-vapur tal-art. Fost dawn insibu l-mina fejn kien jieqaf it-tramm f’Ħaż Żebbuġ, De Rohan Gate, il-Monument ta’ Spencer fil-Ħamrun li t-tramm kien jgħaddi minn biswitu, it-Torri tal-Ilma fil-Furjana ta’ żmien Wignacourt li jinsab fejn kienu jinqatgħu l-biljetti għall-istazzjon tal-Furjana. Insibu wkoll parti mill-Akwadott li l-ferrovija kienet tgħaddi min-naħat tiegħu u l-Arkata ta’ Fleur De Lys li permezz tagħha, l-ilma tal-Akwadott kien jgħaddi min-naħa l-oħra tat-triq, fejn saħansitra t-tramm kien jgħaddi minn ħdejha qabel imur Birkirkara.
Fis-sular ta’ fuq ltqajna ma’ Dr Karl Chircop li kien qed jaħdem fuq xi tagħmir marbut mal-ferrovija li jaħdmu fuq skala OO. Rajna wkoll il-mudell tal-Bascule bridge jaħdem, li huwa komuni ferm barra minn xtutna.
Nigel Tabone kien qed jaħdem fuq l-aħħar irtokki fuq il-mudell sħiħ ta’ kif taħdem il-ferrovija Orbiston Parva.
Tlabna lil Paul Galea li l-istazzjon tal-ferrovija f’Birkirkara huwa l-mimmi t’għajnejh, jgħidilna x’jista’ jsir biex il-wirt u l-patrimonju ta’ missirijietna, marbut mal-vapur tal-art u t-tramm, ma jintilifx.
“Faċli ħafna: dak li għandek id-dar li jew marbut mat-tramm jew mal-ferrovija, tħallihx id-dar u tgawdih inti biss. Kellimna, tkun tista tesebih hawnhekk. Jew tgħaddihulna permanenti, jew tagħtihulna bħala fondazzjoni u nesebuh fil-Mużew. B’hekk ma jintilef xejn u jgawdih il-poplu kollu Malti.”
Paul Galea