L-istazzjon televiżiv Britanniku Channel 5, li jsegwuh mat-tletin miljun telespettatur, ikkonferma li l-ġimgħa d-dieħla se jxandar sensiela ġdida drammatika bl-isem ta’ ‘The Wives’.
Din is-sensiela, li nħadmet kompletament fostna fl-aħħar xhur u l-istorja tagħha hi ambjentata f’Malta, se tibda tintwera minn nhar it-Tnejn li ġej fid-9:00 ta’ filgħaxija, bl-episodji jkomplu kuljum.
Fil-partijiet prinċiapli jaħdmu l-atturi Jo Joyner, Tamzin Outhwaite u Angela Griffin, li jinterpretaw il-katattri ta’ tliet aħwa nisa, li jingħaqdu flimkien biex isolvu misteru li heżżeż lill-familja tagħhom.
Dan hekk kif jitqajmu suspetti dwar il-mewt waqt btala f’Malta ta’ oħthom oħra, interpretata mill-attriċi Christine Bottomley. Waqt li, għall-ewwel, kien jidher li dan kien wieħed aċċidentali, l-aħwa jiskopru li l-armel tagħha jkollu relazzjoni ma’ nisa oħrajn, li jixbhu lil martu.
L-istorja mhix nieqsa minn diversi aspetti u drama, b’antiċipazzjoni kbira fost il-poplu Britanniku.
L-attriċi Jo Joyner, li hi wkoll rinomata għas-sehem f’għadd ta’ serji oħrajn popolari, stqarret li, minbarra li kien ta’ pjaċir għaliha li taħdem f’‘The Wives’, baqgħet immeraviljata bix-xeneġġjatura ta’ pajjiżna u semmiet kif Malta u n-nies akkoljenti tagħha ħallew impressjoni fuqha.
Id-drama ‘The Wives’ għandha kitba ta’ Helen Black.