F’garaxx f’Ħal Tarxien qed tittella’ t-tmien edizzjoni tal-wirja b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa, Sanctae Crucis.
Minn mudell ta’ bażilika, għal bust ta’ Kristu, għal żewġ vari uniċi – id-dettall f’din il-wirja, jibqa’ jiżdied tul is-snin.
Crew minn dan l-istazzjon tkellem ma’ Marvic Camilleri, li ta’ kull sena d-delizzju tiegħu huwa li jarma din il-wirja.
Qalilna kif l-istatwi fil-Minjatura tal-Bażilika, huma magħmula mill-mibki Noel Cauchi, ħabib tiegħu, u statwarju, li kien ħalla din id-dinja b’mod traġiku 14-il sena ilu.
Camilleri, qal, kif permezz ta’ din il-wirja u oħrajn tax-xorta tagħhom, il-memorja u t-talent ta’ Cauchi, għadhom jibqgħu jiġu mfakkra.
Qal, “Magħmula mill-istatwarju mibki, Noel Cauchi, li ħalliena 14-il sena ilu. Illum għadna niftakru fih speċjalment f’dan iż-żmien, għax hawn ħafna wirijiet li għadhom jarmaw bl-istatwi tiegħu.”
Huwa żied jgħidilna kif ta’ kull sena jara li jżid xi ħaġa, sabiex din il-wirja tiġi mirquma b’aktar dettall.
Ta’ min jinnota, li saħansitra fil-minjatura, huwa inkorpora elementi reali, arloġġ li jtektek veru, ħġieġ tat-tip stained glass, u tpinġijiet mas-soqfa tal-mudelli tal-Bażilika.
Qal, “Din is-sena hija kompletament lesta, kif ukoll ġibt statwa ta’ Marija Addolorata xogħol ta’ statwarju mill-Ekwador, sabiħa ħafna, magħmula bl-injam taċ-ċedu.”
Intant, din il-wirja li qed tittella’ fi Triq il-Fuħħar f’Ħal Tarxien, tkun miftuħa fost il-Ġimgħa bejn is-sitta u d-disgħa, f’Ħamis ix-Xirka, bejn id-disgħa u nofsinhar u s-sitta u l-ħdax, u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, bejn it-tmienja u nofsinhar.