Fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mill-miġja tal-istatwa titulari ta’ San Ġużepp fl-Imsida, se jsiru dawn l-attivitajiet fi tmiem il-ġimgħa:
Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu: wara l-quddiesa tas-6.00pm, l-istatwa titulari ta’ San Ġużepp toħroġ mill-Knisja Parrokkjali u ssir purċissjoni lejn il-kappella tal-Kunċizzjoni fejn wara mument ta’ talb tittieħed bit-trasport lejn il-knisja tal-Ġiżwiti l-Belt. Tittieħed b’purċissjoni lejn il-Knisja tal-Madonna tal-Porto Salvo (San Duminku) fil-Belt.
Il-Ħadd 18 ta’ Marzu: Fit-8.00am l-Istatwa titulari ta’ San Ġużepp toħroġ b’purċissjoni mill-knisja ta’ San Duminku fil-Belt. Fid-9.15am tibda vjaġġ bid-dgħajsa sal-moll ħdejn is-Slipway fix-Xatt tal-Imsida fejn tkun milqugħa mill-Banda Melita li takkumpanjaha matul ix-xatt sal-pjazza ta’ quddiem il-Knisja.
Fil-11.00am tkun iċċebrata quddiesa fil-pjazza mill-kappillan il-ġdid, il-Kanonku Dun Simon Sciberras.
It-Tnejn 19 ta’ Marzu: Fis-6.00pm Quddiesa Kantata Solenni fil-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Dun Simon Sciberras bħala l-Kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp, l-Imsida.
F’rapport li deher fil-ġurnal The Malta News f’April tal-1886, il-knisja l-ġdida tal-Imsida kellha tkun iddedikata lil San Ġużepp. Fit-tliet iskrizzjonijiet bil-Latin li saru fl-okkażjoni tat-tqegħid tal-ewwel ġebla, jissemma San Ġużepp bħala t-titular tal-knisja l-ġdida.
Wara l-mewt tal-Papa Piju IX fis-7 ta’ Frar tal-1878, f’Malta, fosthom fil-parroċċa tal-Imsida saru funerali kbar. Dan il-Papa kien li għolla l-Imsida f’parroċċa. Il-Misidjani talbu wkoll biex tinbena knisja lil San Ġużepp b’tifkira ta’ meta l-istess Papa fit-8 ta’ Diċembru tal-1870 ħatar lil dan il-Qaddis Patrun tal-Knisja Universali.
Il-knisja l-ġdida tal-Imsida hija l-ewwel parroċċa f’Malta u f’Għawdex iddedikata lill-Patroċinju ta’ San Ġużepp.
Ritratt: Richard Faenza
L-Istatwa ta’ San Ġużepp
Fil-25 t’Ottubru tal-1892, Dun Andrea Debono, prokuratur tal-knisja ġab il-permess tal-Isqof Pietru Pace biex iġib statwa ta’ San Ġużepp għall-purċissjoni u jsiru l-pedestall, il-bradella u l-bankun għaliha.
L-istatwa li nħadmet f’Lecce l-Italja mid-ditta Luigi Guacci, waslet Malta f’April tal-1893 u ntużat għall-ewwel darba fil-festa li saret nhar il-Ħadd, it-23 t’April. Sal-1898, il-festa kienet issir fl-aħħar Ħadd t’April jew l-ewwel Ħadd ta’ Mejju b’tifkira tal-Patronċinju ta’ San Ġużepp.
Mill-1900 bdiet issir il-Ħadd wara s-16 ta’ Lulju b’digriet tal-Papa Ljun XIII fl-4 ta’ Novembru tal-1899. Fl-1894, is-Sur Antonio Padovani Ginies, arġentier Misidjan, ħadem fil-fidda d-dijademi ta’ San Ġużepp, il-Bambin u l-bastun tal-fidda.
Fl-1916, l-istatwa kienet restawrata u dekorata mill-imgħallem Franġisku Coleiro tal-Belt. Saret ukoll girlanda tad-deheb li tant tixraq.
Nhar il-Ħadd, 16 ta’ Lulju tal-1916 saret festa kbira fl-Imsida meta fid-9.00 a.m., l-istatwa ta’ San Ġużepp inġiebet mill-ħanut ta’ Coleiro u kellha daħla trijonfali fl-Imsida. Ġimgħa wara, fit-23 ta’ Lulju, saret il-festa.